Lokali

L-IMNARJA 1982: 40 sena minn ġrajja kuraġġuża tal-PN

Kitba ta' Victor Camilleri

Qalbiena

Din il-kitba hi maħsuba biex tfakkar is-sagrifiċċju u t-tbatija li kellhom iġarrbu mijiet ta’ Maltin u Għawdxin – uħud minnhom li m’għadhomx magħna – għaliex obdew id-direttiva tal-Partit Nazzjonalista li fl-Imnarja tal-1982 ma jmorrux għax-xogħol għaliex dik kienet ġurnata vaganza misruqa lilhom minn Gvern tal-PL u li l-PN – li kien rebaħ il-maġġoranza tal-voti fl-Elezzjoni 1981 – kien se jagħtihom lura.

Illum, 40 sena wara, nafu li biż-żmien din l-azzjoni tat il-frott tagħha għaliex, kif jemmen il-PN, is-sewwa jirbaħ żgur.

Pajjiżek qed isejjaħlek

Id-direttiva kienet sempliċi: tmorrux għax-xogħol fl-Imnarja, iżda t-twettiq tagħha ma kienx daqstant sempliċi.

Din id-direttiva kienet issemmiet għall-ewwel darba fl-ewwel mass meeting li l-PN qatt organizza fil-wesgħa enormi tal-Fosos tal-Furjana bit-tema tkun: Pajjiżek qed isejjaħlek.

Fl-awtobijografija, Eddie Fenech Adami jispjega li dik l-azzjoni kellha tkun l-ewwel waħda f’kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili biex tixħet dawl fuq is-sitwazzjoni politika ta’ Malta fejn il-partit li kiseb l-inqas voti fl-Elezzjoni Ġenerali ’81, kien qed jiggverna.

Meta kkummenta dwar is-suċċess miksub minn din id-direttiva, Fenech Adami jgħid li l-PN kien impressjonat bil-livell ta’ rispons minn ħaddiema f’kull livell, u sidien ta’ ħwienet.

Daqstant ieħor kien, iżda, l-effett negattiv fuq ħaddiema u sidien ta’ ħwienet permezz tar-reazzjoni selvaġġa u krudili tal-gvern illeġittimu mmexxi minn Duminku Mintoff.

Il-Partit Nazzjonalista waqaf ma’ dawk li sofrew il-qilla tal-Labour u Eddie Fenech Adami jirrikonoxxi li dawk il-qalbiena tal-Imnarja 82 kienu deċiżivi fit-triq li wasslitu għar-rebħa fl-1987.

Ġurnata li se tibqa’ titfakkar bi kburija

Lejliet l-Imnarja ’82 Guido de Marco, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, xandar appell fuq l-istazzjon televiżiv li minn fuqu l-PN – permezz ta’ Richard Muscat – kien qed ixandar minn Sqallija.

Ix-xandira, diretta, damet 15-il minuta li fihom Guido de Marco kif kien l-istil inimitabbli tiegħu, wara li spjega għaliex il-PN ħass li kellu jagħżel it-triq ta’ reżistenza passiva u diżubbidjenza ċivili, għamel appell imqanqal lil tliet kategoriji partikolari: lill-ħaddiema biex l-għada ma jmorrux għax-xogħol; lin-nisa  tad-dar biex ma jmorrux jixtru; u lill-istudenti biex ma jmorrux l-iskola.

Gudio de Marco sejjaħ din l-azzjoni bħala simbolu ta’ reżistenza li  kienet meħtieġa wara li l-Gvern Malti kien qed jinjora dmiru lil jħaddem id-demokrazija u jħalli lill-poplu Malti jagħmel l-għażliet tiegħu u hu, bħala gvern, jirrispetta dawn l-għażliet.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu l-Viċi Kap Nazzjonalista għamel enfasi fuq il-kburija li għad iħossu dawk il-Maltin li kienu se jagħżlu li jobdu d-direttivi tal-PN u dan għaliex kienu se jkunu qed jgħinu biex pajjiżna jirritorna fit-triq tal-vera libertà u demokrazija.

Guido de Marco wissa lill-Gvern Laburista li l-PN kien lest jiddefendi bis-saħħa kollha lil dawk li setgħu jkunu kastigati.

“Se tkun diffiċli iżda se nsostnuha bil-qawwa kollha”

L-azzjoni tal-PN l-Imnarja ’82 kienet bdiet b’mistoqsija li Eddie Fenech Adami kien għamel fil-mass meeting grandjuż ta’ Fuq il-Fosos tal-Furjana fil-11 ta’ Ġunju 1982: “… u min se jżommu lill-poplu Malti li fl-Imnarja ma jmurx għax-xogħol?”

Dwar din il-mistoqsija, li ormaj saret parti mill-istorja ta’ pajjiżna u tal-PN, ikkummenta Ugo Mifsud Bonnici fl-awtobijografija. Ugo jgħid hekk: “Meta smajna dan, Guido u jien ħarisna lejn xulxin. Guido staqsieni: “kont taf biha din?” Jien irrispondejtu li ma kont naf xejn. Anzi għedtlu: “Se tkun diffiċli, iżda nostnuha bil-qawwa kollha.” Guido qalli: “Naturalment”.

Ugo jgħid li malli spiċċa d-diskors tiegħu, Eddie Fenech Adami mar fuqhom u qalilhom: “Naf li fiha r-riskju, iżda nieħu r-responsabbiltà.” U minn dak il-ħin bdiet il-ħidma biex jitwassal il-messaġġ tal-PN fir-rigward tal-Imnarja ’82.

Fil-ktieb tiegħu, Ugo Mifsud Bonnici jgħid li l-Gvern ta’ Mintoff ħassu mhedded sew minn dik it-turija ta’ protesta u reżistenza minkejja “li aħna ma konniex għalkollox sodisfatti bir-riżultat.”

Isemmi wkoll li t-tmiem ta’ dak il-kapitlu kien kruċjali anki għaliex il-PN ma setax ikompli f’dik it-triq minħabba nuqqas ta’ fondi.

LOUIS GALEA

L-organizzatur

Fiż-żmien li seħħew l-inċidenti tal-Imnarja’82, Louis Galea kien mhux biss is-Segretarju Ġenerali tal-PN iżda l-qalb tiegħu tħabbat b’enerġija ma taqta’ xejn u sors ta’ ideat u inizjattivi innovattivi.

Louis Galea kien fiċ-ċentru tat-tħejjija għal dak li seħħ fid-29 ta’ Ġunju 1982 u  f’dak il-jum partikolari żamm kuntatt kontinwu ma’ numru kbir ta’ Maltin u Għawdxin li kellhom bżonn l-appoġġ u l-wens tal-Partit Nazzjonalista.

F’dan il-kuntest irid jissemma wkoll is-sehem ta’ John Camilleri, li kien is-Segretarju Organizzattiv tal-PN, li baqa’ msemmi għall-kuntatti kbar u wesgħin li bena mal-partitarji tal-PN fis-Sezzjonijiet tiegħu f’Malta u Għawdex.

Sehem fundamentali minn Richard Muscat

Meta jissemma dak li ġara fl-Imnarja ’82 x’aktarx li ħafna ma jiftakrux biżżejjed is-sehem li kien ta Richard Muscat li dik il-ħabta kien jikkordina x-xandir tal-PN minn Sqallija u hu nnifsu vittma bla ħtija taħt il-madmad ta’ reġim vjolenti u antidemokratiku.

Richard kien jinżamm infurmat b’dak li qed jiġri kemm minn uffiċjali tal-PN, kif ukoll minni, dak iż-żmien editur ta’ In-Nazzjon.

Is-sehem ta’ Richard Muscat, għal din il-ġrajja kien prinċipalment li jikkordina xandira speċjali diretta b’messaġġ mill-Viċi Kap Guido de Marco. Baqa’ wkoll on call f’każ ta’ xi emerġenza f’dak il-jum.

L-azzjoni kienet suċċess iżda b’togħma qarsa

– Il-Prof. Joe Pirotta

Fil-ktieb tiegħu L-Istorja Kostituzzjonali u l-isfond storiku (1942-2004), maħruġ mill-PIN, l-istoriku Professur Joe Pirotta jsemmi fid-dettall il-ġrajja tal-Imnarja ’82 u jasal għall-konklużjoni li għalkemm b’mod ġenerali jista’ jingħad li l-azzjoni tal-PN kienet suċċess, dak li ġara wara ħalla togħma qarsa. Jemmen ukoll li r-reazzjoni tal-gvern kienet wasslet biex il-kampanja ta’ diżubbidjenza ċivili “tisfuma fix-xejn”.

Dwar ir-riskju tal-PN b’din id-direttiva, il-Prof. Pirotta jgħid li din kienet karta perikoluża għaliex tweġiba ‘fqira’ kienet iddgħajjiflu l-ġlieda tiegħu kontra l-gvern waqt li tweġiba ‘massiċċa’ kienet  tipparalizza x-xogħol fl-pajjiż. Kienet ukoll se tesponi lil ħafna ħaddiema għal-ritaljazzjoni mingħajr ma l-partit ikun f’qagħda li jagħtihom protezzjoni.

Meta jitkellem dwar ir-ripressjoni tal-gvern lejn dawk li obdew id-direttiva tal-PN, il-Prof. Pirotta jgħid li l-PN seta’ biss jorganizza ġbir għall-ħaddiema sospiżi, jipprovdilhom għajnuna legali b’xejn fejn kellhom bżonnha, u jipprotesta pubblikament għall-atteġġjament tal-gvern.

Min-naħa tiegħu, iżid il-Prof. Pirotta, il-gvern baqa’ jinjora kompletament il-protesti tal-PN filwaqt li l-unions għamlu li setgħu iżda dawn kienu limitati mill-fatt li dik l-azzjoni ta’ membri tagħhom ma kinitx koperta minn protezzjoni legali mogħtija lill-azzjonijiet industrijali.

Il-Prof. Pirotta jtemm il-kummenti tiegħu dwar din il-ġrajja billi jgħid li meta ħass li l-messaġġ tiegħu kien inftiehem, il-Prim Ministru Mintoff ħabbar li kien “se jaħfer” lil kull min jiddikjara li ma kienx fehem il-konsegwenzi ta’ għemilu.

Fuq il-parir tal-PN u l-unions, l-offerta ta’ Mintoff kienet aċċettata “għaliex fir-realtà ma kienx hemm alternattiva”.

L-azzjoni tal-ħwienet… tpattija

Kategorija partikolari li obdiet id-direttiva tal-PN fl-Imnarja ’82 kienet dik tal-ħwienet. Numru kbir ta’ sidien tal-ħwienet fi bliet u rħula żammew l-istabbilimenti tagħhom magħluqin u, ta’ dan, kellhom isofru ripressjoni selvaġġa min-naħa tal-gvern illeġittimu li dak iż-żmien kien qed imexxi li pajjiżna kontra r-rieda tal-maġġoranza tal-poplu Malti.

Dawn is-sidien kienu ordnati mill-gvern biex jibqgħu magħluqin u l-liċenzja tagħhom kienet abbużivament sospiża immedjatament.

Dan qala’ paniku kbir mhux biss fost is-sidien innifishom iżda wkoll fost eluf ta’ klijenti. Il-gvern, wara ħafna għadab u kritika, kien kostrett iġedded il-liċenzji ta’ dawk sospiżi wara li ġegħilhom jiddikjaraw li ma jirrepetux dik l-azzjoni!

Effett fuq l-Unions

Dak li ġara qabel u wara l-ġrajja tal-Imnarja 1982 kellu effett dirett fuq l-unions Maltin. Dan joħroġ minn artiklu speċjalizzat fir-rivista Economic & Social Studies (Vol 5, 1989-1990) miktub mill-Prof. Godfrey Baldacchino.

F’dan l-artiklu l-Prof. Baldacchino jitraċċa l-mod kif matul is-snin żdiedet is-sħubija fit-trade unions Maltin. Jgħid li kien hemm żewġ mumenti partikolari li fihom is-sħubija żdiedet sostanzjalment.

Dawn kienu jikkoinċidu mal-azzjonijiet li ttieħdu minn ħaddiema fl-Imnarja ’82 bħala rispons għad-direttiva tal-PN; u mal-perjodu mqalleb tal-ġlieda tal-Gvern Laburista kontra l-Iskejjel tal-Knisja.

Fil-każ tal-Imnarja kien hemm żieda sostanzjali fis-sħubija ta’ membri kemm fil-GWU kif ukoll fl-unions oħra. Dan kien interpretat bħala sinjal ta’ solidarjetà tal-ħaddiema ma’ sħabhom u bħala insurance għal dak li seta’ jinqala’ f’dawk iż-żminijiet imqallbin.

FIT-TARZNA

Il-verżjoni ta’ Sammy Meilaq

Interessanti tisma’ l-verżjoni ta’ Sammy Meilaq, li għal ħafna żmien kien iċ-Chairman tal-Kunsill tat-tarzna elett mill-ħaddiema.

Meilaq, għomru u żmienu jikkumbatti favur il-Labour u kontra l-PN, jgħid fl-awtobijografija li fit-Tarzna kien hemm xi nofs tużżana li ma daħlux għax-xogħol fl-Imnarja ’82.

Jgħid ukoll li hu qatt ma qabel mas-sospensjoni mix-xogħol ta’ ħaddiema li ma marrux għax-xogħol fl-Imnarja għaliex il-kastig ‘normali’ hu li dawk li ma ħadmux ma jitħallsux ta’ ġurnata. Meilaq jgħid li dan sostnieh f’Kastilja u li bħalu kien hemm biss Albert Mizzi, iċ-Chairman tal-Air Malta, li  ma qabilx mad-deċiżjoni.

Sammy Meilaq isemmi li dawk li ma kinux daħlu għax-xogħol fl-Imnarja, kienu “qed jistaħbew” f’uffiċċju partikolari waqt li  barra kien hemm ħaddiema oħrajn lesti biex jaħbtu għalihom.

Jgħid ukoll li mar fejn kien hemm il-ħaddiema mwerwrin u qalilhom li kien se joħroġhom hu ’l barra mit-Tarzna.

Talli b’xi mod għen fil-ħruġ ta’ dawn il-ħaddiema mit-Tarzna Meilaq jgħid li wara dan l-inċident xi ħaddiema kienu bdew jirreferu għalih bħala “ix-shop steward tan-nazzjonalisti”.

Il-verżjoni ta’ ħaddiem involut

F’Diċembru 2007 – ħafna wara l-Imnarja’82 – dehret ittra fit-Times of Malta li tpoġġi fil-kuntest propju tiegħu dak li seħħ fit-Tarzna wara li numru żgħir ta’ ħaddiema f’dik l-azjenda kienu obdew id-direttiva tal-PN.

L-ittra għandha valur kbir għaliex inkitbet minn Charles Camilleri, hu nnifsu involut direttament f’dawk l-inċidenti. Hu jgħid li meta l-għada tal-Imnarja rrappurtaw għax-xogħol kienu sabu li l-punch cards tagħhom kienu irtirati mill-management bħala sinjal li kienu tkeċċew mit-Tarzna.

Camilleri jgħid li dan serva biex ħaddiema tat-Tarzna u oħrajn, iduru għalihom u jagħtuhom xebgħa bla ħniena b’daqqiet bil-ponn u bis-sieq. “Ħadd ma ddefendiena f’dik is-sitwazzjoni, kiteb Camilleri.

Isemmi kif huma kienu tkeċċew definittivament mit-Tarzna u għal sitt ġimgħat sħaħ baqgħu bla paga u l-uniku dħul li kellhom kien dak li l-PN kien jgħaddilhom mill-ġbir li kien qed jagħmel.

Finalment Camilleri jgħid li fl-1987, Gvern Nazzjonalista ħallas lill-ħaddiema kollha involuti dak li kien dovut lilhom fis-sitt ġimgħat li għamlu sospiżi.