Internazzjonali

L-Indja: Qatgħulu rasu ‘talli żeblaħ lill-Profeta Muhammad’ u ccirkolaw filmat tal-atroċità

Fl-aħħar sigħat irrankat it-tensjoni reliġjuża fl-Istat Indjan ta’ Rajasthan wara l-qtil brutali ta’ raġel ta’ nisel Hindu taħt idejn żewġ irġiel Musulmani. L-omiċidju xxokkja lil kulħadd minħabba l-element ta’ brutalità primittiva u bir-reat iqanqal il-kundanna ta’ politiċi prominenti ma’ kull partit fil-Gvern.

Il-vittma –ħajjat li kien jismy Kenhaiya Lal – spiċċċa maqtul fid-distrett ta’ Udaipur, biż-żewġ aggressuri jaqtgħulu rasu barra qabel bagħtu filmat tal-atroċità fuq il-mezzi tal-media soċjali.

Il-qattiela qalu li l-azzjoni kienet ritaljazzjoni talli l-vittma kien appoġġja xi rimarki kontroversjali dwar il-Profeta Muhammad – il-fundatur tal-Islam.

Iż-żewġ aggressuri spiċċaw arrestati mill-pulizija wara li huma identifikaw ruħhom permezz tal-filmat u waqt li huma ftaħru dwar id-delitt li kienu wettqu.

Fl-istess filmat iż-żewġ irġiel heddew lill-Prim Ministru Indjan, Narendra Modi, huma u jxejjru l-mannaretti li kellhom f’idejhom. Intant, l-uffiċjali tal-pulizija f’Rajasthan talbu biex il-mezzi tal-media ma jxandrux il-filmat tar-reat ‘minħabba l-element ta’ krudeltà stroardinarja’.

Fi żviluppi oħra, il-Gvern issospenda s-servizzi tal-Internet filwaqt li projbixxa l-laqgħat tal-massa fost it-tensjoni bejn id-denominazzjonijiet reliġjużi tal-Indja.

Il-qtil makabru tal-ħajjat qed ikun investigat bir-reqqa mill-Aġenzija Nazzjonali għall-Investigazzjonijiet li hi anki l-aġenzija ewlenija kontra t-terroriżmu.

Dan waqt li l-Ministru Ewlieni ta’ Rajasthan, Ashkok Gehlot, appella lir-residenti tal-Istat biex jibqgħu kalmi fost il-biża’ dwar aktar inċidenti vjolenti. Fil-fatt, fl-aħħar sigħat, l-omiċidju tal-ħajjat laħaq qanqal numru ta’ protesti reliġjużi fid-diversi nħawi tal-Indja, fost xi azzjonijiet ta’ vjolenza li kienu jinkludu l-ħruq tal-oġġetti.