Futbol Sport

Manchester United jiftehmu biex jiffirmaw lil Frenkie de Jong u Tyrell Malacia

Manchester United qablu ftehim fil-prinċipju biex jiffirmaw lil Frenkie de Jong mingħand Barcelona u lid-difensur xellugi ta’ Feyenoord Tyrell Malacia. L-insegwiment ta’ seba’ ġimgħat minn naħa United fil-konfront ta’ De Jong mistenni jiġi ffinalizzat fuq ftehim ta’ €65 miljun (£56.14m) flimkien ma’ ‘add-ons’.

Huwa mifhum li l-ħlas se jsir fuq perjodu ta’ żmien peress li jista’ jkun hemm xi ċaqliq li jżid dan il-prezz. Il-Manager il-ġdid Erik ten Hag ġie appoġġjat ukoll mill-Bord tar-Red Devils biex jakkwista lil Malacia għas-somma ta’ €15-il miljun (£12.9m). Malacia ta’ 22 sena, deher li kien se jingħaqad ma’ Lyon fi Franza, iżda ten Haag xtaqu miegħu, u l-United ħatfuh mal-ewwel opportunità.

Iż-żewġ ftehimiet huma soġġetti għall-medical tests fejn De Jong u Malacia għadhom fuq btala wara l-involviment tagħhom fil-partiti tan-Nations League ma’ l-Olanda aktar kmieni dan ix-xahar. Il-United issa se jiffukaw lejn miri oħra, fosthom Christian Eriksen u d-duo ta’ Ajax Antony u Lisandro Martinez.

Ten Hag jiffavorixxi rinforzi affiljati mal-Ajax jew il-football Olandiż bil-United iħallu f’idejh u jippruvaw jakkomodawh kemm jista’ jkun. Sorsi tal-klabb isostnu li l-plejers kollha ta’ interess qed jiġu annalizzati bir-reqqa. Il-pjan tal-United huwa li jsaħħu d-difiża u kienu xprunati biex malajr kemm jista’ jkun jiftehmu fuq Malacia – żewġ plejers li huma rappreżentati mill-istess aġenzija. Malacia żgur li se jipprovdi kompetizzjoni għal Luke Shaw.

Nhar it-Tnejn li għadda ra r-ritorn ta’ United għat-taħriġ tal-pre-season u l-preżenza ta’ Ten Hag f’Carrington hija maħsuba li tħaffef l-attività ta’ trasferiment tal-klabb hekk kif id-data tat-tluq għat-tour ta’ qabel l-istaġun qed tersaq aktar fil-viċin.

Il-United se jivvjaġġaw lejn Bangkok fit-8 ta’ Lulju u Ten Hag huwa determinat li jkollu l-players ġodda li jixtieq jakkwista abbord biex jintegra fl-iskwadra. Malacia beda fi 32 partita ta’ Feyenoord fl-Eredivisie l-istaġun li għadda u kien inkluż fil-logħbiet kollha tagħhom tal-Europa Conference League għajr tnejn, inkluża t-telfa finali kontra Roma.

Malacia għamel id-debutt tiegħu mat-team nazzjonali Olandiż taħt Louis van Gaal f’Settembru u beda fiż-żewġ rebħiet tan-Nations League tagħhom fuq Wales aktar kmieni dan ix-xahar. Il-United kienu diġà ppjanaw li jneħħu lid-difensuri Aaron Wan-Bissaka u Brandon Williams, u l-wasla skedata ta’ Malacia issa se tħalli wkoll lil Alex Telles vulnerabbli.

Għalkemm Telles, ta’ 29 sena, lagħab ta’ spiss wara t-tkeċċija ta’ Ole Gunnar Solskjaer f’Novembru, huwa mhux meqjus bħala difensur xellugi titulari għal Ten Hag u l-istaff tiegħu. Telles reġa’ kiseb postu fl-iskwadra tal-Brażil l-istaġun li għadda u x’aktarx ikollu jilgħab regolarment biex jiżgura li jibqa’ fl-iskwadra tal-kowċ Tite għat-Tazza tad-Dinja f’Novembru li ġej.