Lokali Saħħa

Pazjenti jistennew għal iktar minn sitt sigħat fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei

Pazjenti qed jispiċċaw idumu għal iktar minn sitt sigħat jistennew sabiex jarahom tabib fid-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mate Dei.

Persuna li tkellmet ma’ Net News stqarret kif ċemplet għall-ambulanza għall-ħabta tan-12.30 u damu madwar siegħa u nofs jistennew sakemm din waslet.

Appena waslu l-Emerġenza hemmhekk sabu sitwazzjoni tal-biki. Apparti n-numru kbir ta’ persuni jistennew fil-waiting area sabiex jinqdew, kien hemm ukoll numru ta’ pazjenti fuq stretcher f’din l-istess waiting area tal-Emerġenza.

Din il-persuna ddeskriviet din is-sitwazzjoni bħala waħda tal-mistħija hekk kif il-pazjenti spiċċaw għal diversi sigħat jistennew sakemm mar jarahom tabib… bil-konsegwenza li wħud mill-pazjenti spiċċaw jokorbu bl-uġigħ.

Persuni oħra li tkellmu ma’ Net News saħansitra qalulna li damu għal madwar 12-il siegħa jistennew sakemm jinqdew.

Dan kollu huwa turija ċara ta’ nuqqas ta’ staff f’dan id-Dipartiment… nuqqas ta’ tobba u nurses… nuqqas li qed iwassal ukoll biex l-ambulanzi qed idumu ma jaslu fuq il-post, b’detriment għas-saħħa tal-pazjenti.