Lokali Qorti

Sentejn ħabs fuq wegħda li se jġib VISA’s li ma waslu qatt lil żewġ persuni

Sentejn ħabs għal raġel ta’ 56 sena residenti Baħar iċ-Ċagħaq wara li l-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo sabitu ħati li erba’ snin ilu ħa flus lil żewġ irġiel barranin bil-wegħda li se jġibilhom il-VISA għan-nisa tagħhom iżda minn dan kollu ma seħħ xejn. Għaldaqstant huwa nstab ħati li ffroda lil dawn iż-żewġ persuni.

Vincent Xuereb li tressaq mill-Ispettur George Frendo instab ħati li f’Ġunju tal-2018, u fix-xhur u snin ta’ qabel, iffroda mat- €3,500 għad-dannu ta’ Mohamed Al Khaled, David Zahra u Maher Mohammed. Il-Pulizija qalet li bdiet tinvestiga l-każ wara li rċeviet rapport mill-aġenzija ID Malta li Khaled kien ħallas flus biex iġib lil martu mis-Sirja imma din baqgħet ma ġietx.

Mill-investigazzjoni tal-Pulizija ħareġ li Xuereb qatt ma kien impjegat mal-imsemmija aġenzija kif ukoll li għandu problema minħabba l-logħob u l-użura. Il-Qorti sabet lil Xuereb ħati li ffroda lil Khaled €1,850 u lil Mohammed €1,700 meta wegħdu li se joħroġlu visa biex iġiblu lill-mara mit-Turkija.

L-esperta tal-Qorti Charissa Boffa ikkonfermat li hija qegħda ssegwi lill-imputat minħabba li kellu ordni wara sentenza mgħotija mill-Maġistrat Joseph Mifsud. Hija qalet li Xuereb għandu problema kbira ta’ flus minħabba logħob u użura. It-tifla tal-imputat qalet li kienet taf li missiera għandu problema kbira minħabba flus, madankollu dawn l-ahhar sitt xhur ħadd ma mar iħabbat il-bieb tad-dar tagħhom.

Kompliet tgħid li mhux dejjem kien qiegħed iżomm l-appuntamenti li kien ikollu. Għalkemm kien qiegħed imur għand psikologu ftit li xejn kien qiegħed iżomm l-appuntamenti tiegħu. Iżda fil-bidu ma kienx jaf l-iskop tal-probation izda issa qiegħed jifhem.

L-Ipettur George Frendo xehed li minn dak li ħareġ mill-investigazzjoni kien hemm ukoll persuna oħra li spiċċat vittma
tal-imputat, certu David Zahra. Ġara li David Zahra kien ta ċekk lill-imputat sabiex jissarraf u dan qatt ma kien sehh. Sadaniitant ċertu Mark Pisani kien qal li kien iltaqa’ mal-imputat u kien qallu jekk ikun jaf lil xi ħadd għal xi
VISA jkun jista’ jirranġalu u kien għalhekk li kienu ltaqaw mal-imputat.

Meta ġie arrestat l-imputat, kien ammetta dan kollu u kien lest li jhallas kollox lura. Huwa nstab ħati wkoll li kiser ordni ta’ probation u li sar reċidiv iżda ma nstabx ħati li qarraq b’David Zahra. Dwar l-akkuża li ffrodah, il-Maġistrat Farrugia Frendo qalet li kien nuqqas serju ta’ Zahra meta kien lest li joħroġ irċevuta tal-VAT għal xogħol li ma kienx seħħ kif ukoll li qabad u ta l-flus mingħajr ma qatt jistenna li jara ċ-ċekk.