Lokali

Studju wera li l-prezzijiet tal-propjetà irdoppjaw mill-2013

Studju riċenti li sar dwar il-bejgħ ta’ proprjetà f’Malta ġab miegħu tħassib kbir dwar l-affordabbiltà tad-djar. Dan hekk kif jidher li mis-sena 2013 l’hawn, il-prezzijiet tad-djar irduppjaw, kif ukoll għolew il-prezzijiet tal-kera.

Dan l-istudju kkonkluda li meta wieħed iqabbel l-ewwel nofs tal-2013 mal-ewwel nofs tas-sena 2022, il-prezzijiet tad-djar żdiedu b’100%. Dan ifisser li, bħala medja, proprjetà li nbiegħet għal €100,000 fl-2013, issa  qed tinbiegħ għal madwar €200,000.

Ir-rapport wera li fis-sena 2021, żewġ adulti żgħażagħ setgħu biss jaffordja appartament ta’ 115-il metru kwadru, jekk dawn jieħdu self għal 35 sena fuq ir-rata ta’ interess medja għall-propjetà.

Dan juri biċ-ċar li llum kważi saret impossibbli biex żagħżugħ jew żagħżugħa jixtru propjetà waħedhom. Fi kliem sempliċi, jekk ma tkunx f’koppja jew tingħata għajnuna mill-ġenituri, diffiċli ħafna li tkun tista’ tidħol għal dan il-piż waħdek.

Il-konsulent Daniel Gravino spjega li l-akbar żidiet fil-prezzijiet tad-djar seħħew mill-2016 l’hawn, minħabba l-inċertezza kkawżata mit-taqlib politiku li feġġ fl-aħħar xhur tal-2019 u l-miżuri restrittivi marbuta mal-pandemija tal-Covid li ġew introdotti fix-xhur ta’ Marzu u April tal-2020.

L-istħarriġ semma wkoll żidiet sostanzjali fil-prezzijiet tal-kera… B’żieda ta’ 42% mill-2013. Dan ifisser li dar li kienet tinkera b’€500 fix-xahar issa qed tinkera għal €710.

L-istħarriġ spjega li qabel l-1995, ftit sidien tad-djar kienu joffru d-djar tagħhom għall-kiri iżda minħabba bdil fil-liġi, dan beda jsir aktar popolari imma mhux daqs l-aħħar snin meta Malta esperjenzat żieda fil-ħaddiema barranin li jippreferu jikru propjetà milli jixtruha.