Stħarriġ illi sar mill-MUT juri li 85.1% tal-edukaturi iwettqu xogħol volontarju li huwa miżjud mal-ħidma li ssir minnhom fl-iskejjel u l-istituzzjonijiet edukattivi ta’ pajjiżna.
Is-survey sar f’Mejju li għadda, u fih ipparteċipaw 181 edukatur. Bil-President tal-MUT Marco Bonnici jgħid illi dan l-eżerċizju juri kif minkejja l-limitazzjonijiet kollha, l-għalliema kapaċi jagħtu aktar minn dak li huwa rikjest minn xogħolhom.
Is-survey juri li 62% jagħmlu ħidma volontarja fl-iskejjel għaliex iħossu li jridu jagħtu aktar lill-istudenti, lill-ġenituri u lill-iskola innifisha. Għalkemm 44% jemmnu li jaf ikun hemm riperkussjonijiet jekk ma jagħmlux dan it-tip ta’ xogħol “extra”.
Dawk li wieġbu qalu li ħafna minn dan ix-xogħol “extra” jagħmluh wara l-ħin tax-xogħol, jew saħansitra fil-weekends meta l-edukaturi jkomplu bil-ħidma tagħhom lil hinn mill-iskola.
Skont dan l-istħarriġ, il-maġġoranza tal-għalliema ma jħossuhomx apprezzati. Fil-fatt, 7 minn kull 10 edukaturi iħossu li mhux aprezzati fix-xogħol tagħhom.
//= $special ?>