Lokali

Bolol ġodda b’rabta max-xogħol li jwettaq l-Uffiċju Meteoroloġiku

Il-MaltaPost se jkun qed joħroġ tliet bolol ġodda b’rabta ma-xogħol li jwettaq l-Uffiċju Meteoroloġiku f’Malta. Dan fl-okkażjoni tal-100 sena mill-bidu tal-ħidma tiegħu.

L-Uffiċju Meteoroloġiku ilu jopera minn Lulju tal-1922 fejn ta’ kuljum jagħti aġġornament kontinwu tat-temp f’pajjiżna kemm dak immedjat u saħansitra għall-ħamest ijiem li ġejjin.

Oriġinarjament, l-Uffiċju kien stazzjonat Gwardamangia taħt it-tmexxija tas-Servizzi Ingliżi. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija, dan tmexxa għal taħt l-art biex jilqa’ mill-attakki mill-ajru tal-għadu.

Illum il-ġurnata, l-Uffiċju Meteoroloġiku jinsab biswit l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, f’Ħal Luqa.