Internazzjonali

Franza: It-terrorista Salah Abdeslam jinstab ħati fi proċess storiku

L-uniku aggressur li baqa’ ħaj fost il-grupp tat-terroristi li wettaq l-attakki storiċi ta’ Novembru tal-2015 f’Pariġi instab ħati dwar akkużi relatati mat-terroriżmu li kien irriżulta fl-omiċidju ta’ ħafna nies innoċenti.

L-imputat,  Salah Abdeslam, kien ikkundannat il-ħabs għal għomru – li hi sentenza rari ħafna fi Franza – għar-rwol tiegħu fl-isparaturi u l-isplużjonijiet tal-bombi li seħħew fil-lejl fatali tal-13 ta’Novembru (2015)…Attakki li kienu swew il-ħajja ta’ 130 persuna.

Il-qorti anki kundannat lil 19- il-persuna oħra li kienu involuti f’dan it-terrur u meta hu maħsub li sitta minn dawn l-ikkundannati huma mejtin.  

Dan kien bla dubju l-akbar proċess tal-qorti fl-istorja moderna ta’ Franza u li kien ilu għaddej minn Settembru tas-sena l-oħra. F’dawn id-disa’ xhur, in-nies li sfaw midruba fl-attakki, il-familji tal-vittmi u l-membri tal-istampa bilkemm iċċaqalqu mill-madwar tal-bini tal-qorti, waqt li l-awtoritajiet tal-ġustizzja kienu qed jevalwaw l-agħar attakk fil-pajjiż mill-era tat-Tieni Gwerra Dinjija.

It-terroristi – kollha membri tal-grupp ISIS – kienu kkonċentraw l-attakki fuq diversi bars, ristoranti, stadium tal-futbal fejn isir il-logħob internazzjonali u ċ-ċentru għall-kunċerti ta’ Bataclan. Minbarra l-mejtin irriżultaw ukoll il-mijiet tal-midruba waqt is-sensiela ta’ attakki indiskriminattivi fid-diversi zoni tal-kapitali Franċiża.

Fil-bidu tal-proċess, Abdeslam kien fisser lilu nnifsu bħala ‘suldat’ tal-ISIS iżda wara hu skuża ruħu mal-qraba tal-vittmi tal-attakki waqt li ċaħad ‘li hu qattiel’. It-terrorista qal ukoll li, fl-istess lejl, kien iddeċieda biex ma jtajjarx ċinturin bl-isplussivi li kellu fuqu, iżda l-qorti sabet li ċ-ċinturin kien difettuż u b’hekk ma aċċettatx l-ispjegazzjoni ta’ Abdeslam li ‘ma riedx jikkontribwixxi għad-dmija’.

Is-sentenza li weħel Salah Abdeslam, sadanittant, tfisser li hu għandu biss ċans minimu li jinħeles wara li jkun skonta l-priġunerija għal 30 sena.