Internazzjonali

Hong Kong: Jagħlaq 25 sena mindu spiċċa minn kolonja Britannika

Il-President taċ-Ċina, Xi Jinping,  jinsab f’Hong Kong biex jimmarka l-25 sena mindu l-eks-kolonja Britannika rritornat taħt it-tmexxija tal-Gvern komunista f’Beijing. Din hi anki l-ewwel vjaġġ ta’ Xi Jinping ( ritratt) lejn zona ftit ‘il hinn mit-territorju taċ-Ċina sa mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19, sentejn u nofs ilu.

Xi Jinping, issa, qal li Hong Kong qed ‘igawdi minn qawmien ġdid’ wara sensiela ta’ sfidi lis-soċjetà fit-territorju. Dan minkejja li Hong Kong – sa ftit ilu territorju semi-awtonomu – illum jinsab taħt il-kontroll riġidu ta’ Beijing wara l-protesti tal-2019 u l-2020 favur id-demokrazija. Il-kritiċi, fil-fatt, għadhom jakkużaw lil Beijing b’li kisser il-kunċett tal-libertà għan-nies ta’ Hong Kong.

Intant, hemm sigurtà kbira madwar iċ-ċentru għall-konvenzjonijiet fejn qed isiru l-avvenimenti relatati mat-trasferiment ta’ Hong Kong mingħand ir-Renju Unit liċ-Ċina u li kien konkluż b’mod formali fl-Ewwel ta’ Lulju tal-1997

Fl-aħħar sigħat, Carrie Lam, bħala l-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, kienet qed tqatta’ l-aħħar jum tagħha f’din il-kariga taħt il-kwarantina dovuta għall-Covid-19. Dan biex hi setgħet tattendi għal pranzu uffiċjali li kellu jingħata għad unur Xi Jinping.

Ftit qabel ħadet lura Hong Kong, iċ-Ċina kienet wiegħdet biex tipproteġi l-libertajiet demokratiċi fit-territorju għal 50 sena. Iżda l-liġijiet ġodda ( effettivi mill-2020) issa ‘qatlu’ kull kritika u espressjoni ħielsa għar-residenti tat-territorju.