Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: ‘Rebħa kbira’ wara li r-Russi jirtiraw minn Snake Island

Ir-Russja qalet li l-qawwiet tagħha ma baqgħux jikkontrollaw gżira ta’ importanza strateġika fil-Baħar l-Iswed u li kienet zona għall-ġlied qalil sa mill-bidu tal-gwerra.

Il-kelliema f’Moska fissru l-irtirar tas-suldati tagħhom mill-hekk-imsejjaħ ‘Snake Island’ bħala ġest ta’ rieda tajba bil-għan li, ‘il quddiem,  l-esportazzjoni tal-qmuħ miz-zona ssir aktar faċli.

Iżda l-Ukrajna qed tfisser l-irtirar minn’ Snake Island’ bħala rebħa kbira għall-Ukreni kollha, bil-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson jirreferi mill-ġdid ‘għall-kapaċitajiet tal-Ukreni biex jirreżistu lill-għadu’.

Fi żviluppi oħra — u fid-dawl tal-gwerra fl-Ukrajna — is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, qal, waqt it-tieni jum tas-summit tal-Alleanza organizzat f’Madrid, li l-pajjiżi membri qablu dwar żieda ta’ fondi sinifikanti għall-istess Alleanza. Dan meta r-rappreżentanti tal-Iżvezja u l-Finlandja qed iħejju biex jiffirmaw il-protokoll għall-isħubija ta’ pajjiżhom fl-Alleanza tal-Punent qabel ir-ratifika mill-Istati-membri tan-NATO.