Lokali

Il-Membri tal-Gvern jiddefendu lil sħabhom u jattakkaw lil-linji gwida tal-Kummissarju għall-Istandards

Diskuss ir-rapport investigattiv ta’ użu mhux xieraq ta’ fondi pubbliċi minn Membri tal-Gvern deskritt minn George Hyzer bħala “ksur sfaċċat tar-regola”

“Dan il-każ kien wieħed sfaċċat, suppliment li 28 paġna minn dan is-suppliment kienu reklami għalihom infushom – aġir li jmur kompletament kontra l-guidelines ippublikati…ksur sfaċċat tar-regola.”

Hekk saħaq il-Kummissarju tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler waqt li kien qed jixhed quddiem il-Kumitat tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.

Dan b’rabta ma’ rapport ippublikat mill-Kummissarju nnifsu li investiga uzu mhux xieraq ta fondi pubblici fil-pubblikazzjoni ta reklami ta’ natura politika li dehru f’suppliment tal-gazzetta KulĦadd.

Huwa insista li l-flus tal-istat m’għandhom qatt jintefqu għal skopijiet partiġġjani iżda għal fini tal-istat.

Fir-rapport ħareġ li 18-il Ministru, eks Ministru u eks Segretarju Parlamentari kisru l-kodiċi ta’ etika ministerjali permezz tar-riklami uffiċjali li huma ppubblikaw fis-suppliment tal-ġuranl KullHadd tas-16 ta’ Jannar li għadda.

Fir-rapport ġie konkluż li l-pubblikazzjoni ta’ riklami uffiċjali f’dan is-suppliment kien mekkaniżmu biex organu tal-partit fil-Gvern jiġi sussidjat permezz ta’ fondi pubbliċi.

“Jekk ma tridux toqgħodu mal-guidelines…aqbdu u għidu li ma taqblux magħhom”

Matul il-laqgħa, Il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Andy Ellul spiċċaw jattakkaw lill-Kummissarju tal-Istandards għall-fatt li esprima l-opinjoni tiegħu fir-rapport, fatt li l-Kummissarju huwa rikjest li jagħmel bil-liġi, u sejħuha bħala waħda restrittiva għall-aħħar. Dan filwaqt li b’mod surreali, Ellul sejjaħ dawn ir-reklami tal-membri parlamentari bħala servizz informattiv għall-pubbliku.

Għal dan id-diskors George Hyzler insista li jekk il-Membri tal-Gvern mhux lesti joqgħodu mal-guidelines jaqbdu u jgħidu ma jaqblux magħhom.

Dan l-infiq li jammonta għal total ta’ €16,700 jirrappreżenta nuqqas ta’ separazzjoni bejn l-irwol ta’ Ministru u ta’ Membru ta’ Partit Politiku kif ukoll użu ħażin ta’ fondi pubbliċi.

Dan filwaqt li jippreżenta wkoll ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità tas-servizz pubbliku għaliex infiq minn Ministeri jiġi approvat minn uffiċjali għolja fis-servizz pubbliku, li allura tpoġġew f’sitwazzjoni fejn kellhom japprovaw infiq ta’ fondi pubbliċi għal skop politiku.

Minn fost it-18-il Deputat Laburista, l-iktar persuna li nefqet fuq ir-riklam kien il-Ministru Michael Farrugia f’total ta’ €2,000. Wara jsegwu Chris Agius, Owen Bonnici, Clint Camilleri, Michael Falzon, Julia Farrugia Portelli, Jose Herrera u Edward Zammit Lewis li nefqu €1,100 kull wieħed. Carmelo Abela, Ian Borg, Byron Camilleri, Miriam Dalli, Aaron Farrugia Chris Fearne, Roderick Galdes, Clifton Grima, Anton Refalo u Silvio Schembri nefqu €700.

It-total ta’ infieq ilaħħaq is-€16,700.

Fir-rapport ħareġ li l-imġiba hija aggravata fil-każ tal-Ministru Ian Borg, tal-eks Ministru Edward Zammit Lewis u l-eks Segretarju Parlamentari Chris Agius minħabba n-natura partiġjana tar-riklami tagħhom.

“L-inqas ħaġa li għandhom jagħmlu min kiser ir-regola huwa li jitolbu apoloġija”

Intant il-Kelliema għall-Oppożizzjoni, membri ta’ dan il-kumitat, insistew li m’hemm ebda skuża u saħqu li tali aġir jeħtieġ li jkollu konsegwenza. Għaldaqstant saħqu li l-inqas ħaġa li għandu jsir huwa li ssir rifużjoni tal-flus…u apoloġija mill-Parlamentari involuti fil-Kamra tad-Deputati.

Liema diskors kien milqugħ mill-membri tal-Gvern minn redikolaġni.

Fil-laqgħa tal-Kumitat, id-Deputati Nazzjonalisti Ryan Callus u Mark Anthony Sammut rrappreżentaw l-Oppożizzjoni waqt li l-Ministru Jonathan Attard u l-Whip Laburista Andy Ellul irrappreżentaw lill-Gvern.