Lokali

Il-PN jappella lill-Gvern biex jieħu l-passi meħtieġa ħalli sitwazzjonijiet bħal dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom

L-Oppożizzjoni qegħda tittratta l-każ tal-anzjan li ilu mitluf minn nhar it-Tlieta li għadda b’sensittiva kbira u huwa ghalhekk li qed issejjah lill-Gvern sabiex jaġixxi minnufih u jieħu l-passi kollha meħtieġa fid-dawl taċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għejbien ta’ dan l-anzjan.

Dan ħareġ fi stqarrija mill-Kelliema għall-Anzjanità Attiva, Paula Mifsud Bonnic f’isem il-PN, fejn tkompli tgħid li dan huwa ta’ tħassib u ta’ għajb li infermiera waħda kienet għassa ma’ sala sħiħa mimlija anzjani fir-residenza San Vinċenż de Paule. Hu għalxejn li jsiru l-investigazzjonijiet jekk dak li ngħad mill-Union għall-Infermiera u l-Qwiebel hija l-prassi f’din ir-residenza.

Għalhekk wieħed għandu jara x’wassal biex dan ir-raġel joħroġ mir-Residenza waħdu f’ħinijiet bikrin bla ma ħadd jinduna. Għaliex l-awtoritajiet ma qalux mal-ewwel li l-persuna mitlufa kienet residenti San Vincenz de Paule?

L-anzjan hu meqjus bħala persuna vulnerabbli u huwa d-dover tal-amministrazzjoni ġewwa San Vincenz de Paul li tara li l-anzjani kollha vulnerabbli jkunu f’postijiet sikuri għalihom.  Huwa l-obbligu ta’ kull gvern li jara li l-anzjani tagħna qegħdin jingħataw l-aħjar protezzjoni, attenzjoni u kura.

Il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern biex jieħu l-passi meħtieġa ħalli sitwazzjonijiet bħal dawn ma jerġgħux jirrepetu ruħhom. Fost oħrajn jindirizza n-nuqqas ta’ infermiera u ħaddiema f’dan is-settur mill-aktar fis possibli.