Lokali Qorti

Il-Qorti tal-Appell tillibera bouncer wara li sabet ‘diskrepanzi kbar’ fl-evidenza

Bouncer li nstab ħati li aggredixxa turist żagħżugħ Ġermaniż barra klabb f’Paceville erba’ snin ilu, ġie lliberat mill-appell wara li l-Qorti nnutat li l-każ kien mifni b’“wisq diskrepanzi u inkonsistenzi”. Savo Bogicevic, Bosnjan ta’ 30 sena li ħadem bħala gwardjan privat fil-klabb f’Awwissu 2018, kien weħel sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u multa ta’ €4,000 wara l-inċident kmieni filgħodu.

L-avukati tiegħu appellaw il-kundanna mill-Qorti tal-Maġistrati, billi argumentaw li s-sentenza ma kinitx sigura u mhux sodisfaċenti. Qalu li l-fatti ma jistgħux iwasslu għal kundanna, il-kredibbiltà tal-allegat vittma u ta’ ħabibu kienet dubjuża u li l-piena kienet eċċessiva.

Il-każ ħareġ minn inċident li beda ġewwa l-klabb meta l-allegat vittma qabad mara mill-warrani. Meta daret u mbuttatu, hu taha daqqa ta’ ħarta, wassal lill-bouncer biex jintervjeni billi qabad liż-żagħżugħ u wrieh il-bieb ta’ barra. Iżda wara li ż-żagħżugħ u l-ħabib tiegħu Spanjol ħallew il-klabb, inqalgħet ġlieda, li matulha l-vittma ngħata daqqa ta’ ponn u spiċċa msawwat b’bastun tal-metall, u spiċċa bi ‘black eye’ u qatgħa fuq il-kappell ta’ għajnu x-xellugija.

L-allegat vittma u ħabib tiegħu, taw “verżjoni dijametrikament opposta” għal dik mogħtija mill-bouncer u l-kollegi tiegħu dwar l-avvenimenti li seħħew wara dak l-ewwel inċident ġewwa l-klabb. Il-vittma l-ewwel qal lill-pulizija li Bogicevic kien il-bouncer li kien qallu biex joħroġ mill-klabb iżda mhux dak li tah daqqa ta’ ponn.

Madankollu, jumejn wara, huwa tfaċċa fl-għassa tal-pulizija b’ritratt ta’ Bogicevic fuq Facebook, u identifikah bħala l-aggressur. Il-verżjoni mogħtija mill-vittma lill-pulizija immedjatament wara l-inċident kienet ukoll dijametrikament opposta għax-xhieda tiegħu fil-qorti jiem biss wara.

Fil-verżjoni preċedenti tiegħu huwa qal li t-tfajla kienet tat daqqa ta’ ħarta lill-vittma, iżda fil-qorti “neħħa kompletament lit-tfajla mill-fatti.” Ħarġu diskrepanzi oħra dwar min fil-fatt kkaġuna l-ġrieħi. Il-vittma ddeskriviet lill-aggressur bħala “raġel qargħi, mibni tajjeb liebes qmis sewda, qalziet iswed u żarbun suwed.”

Madankollu, il-prosekuzzjoni naqset milli tipprova jekk kienx hemm bouncers oħra dak iż-żmien li setgħu jaqblu ma ‘dik id-deskrizzjoni. Kien hemm ukoll “diskrepanzi kbar” bejn il-verżjoni tal-vittma u dik tal-ħabib tiegħu. It-tnejn qablu li l-aggressjoni ma kinitx ipprovokata u li l-ebda wieħed minnhom ma rritalja għall-allegata vjolenza.

It-tnejn ikkonfermaw ukoll li l-appellant inizjalment ma kienx aggressiv hekk kif eskortahom barra mill-klabb, u ddeskriva l-mod tiegħu bħala “ġentili” u “kalm.” Dik id-deskrizzjoni dehret li tikkonferma l-verżjoni tal-appellant stess li baqgħet konsistenti tul.

“Ma tajtu daqqa ta’ ponn, xejn. Kont għadni kemm mort f’posti u ħadt biss 10 sekondi biex noħroġ,” l-ewwel qal il-bouncer lill-pulizija, li kkonferma l-verżjoni tiegħu meta xehed fil-qorti. Iż-żagħżugħa li allegatament kienet ġiet ffastidjata ġewwa l-klabb, ikkonfermat ukoll il-verżjoni tal-akkużat, u tefgħet aktar dubju dwar il-kredibbiltà tal-verżjoni tal-vittma.

Wara li eżaminat il-provi kollha l-Qorti Kriminali tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, osservat li terzi persuni evidentement kienu involuti fit-taqbida barra l-klabb. Iżda kien hemm dubju dwar in-numru ta’ bouncers involuti, jekk il-ġrieħi rriżultawx mill-ewwel daqqa ta’ ponn jew meta ntlaqat b’virga tal-metall, l-identità tal-aggressur li kien aggredixxa lill-vittma b’dak l-oġġett iebes u wkoll jekk l-għarus tal-mara keelux xi rwol fl-attakk.

L-identifikazzjoni tal-allegat aggressur mill-vittma kienet “mhux affidabbli,” qalet il-qorti, biex b’hekk laqgħet parzjalment l-appell u rrevokat il-kundanna f’dak li għandu x’jaqsam mal-aggressjoni. Il-Qorti rrevokat ukoll l-ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Qorti kkonfermat il-kundanna tal-appellant talli opera bħala gwardjan privat mingħajr liċenzja iżda naqqset il-multa għal €500. L-avukati Michael u Lucio Sciriha assistew lill-appellant.