Lokali

“In-nuqqas ta’ infermiera qed iwassal għal dawn is-sitwazzjonijiet” – MUMN

Chris Fearne jibqa' ċass quddiem dan kollu... u jsejjaħ l-azzjonijiet tal-infermiera bħala teatrin u farsa

Fi stqarrija maħruġa mill-MUMN, intqal kif dakinhar li ġie rraportat nieqes l-anzjan ta’ 85 sena residenti f’San Vincenz De Paul kien hemm biss infermiera waħda f’ward partikolari tieħu ħsieb 35 resident… bl-union tisħaqq li infermiera weħidha ma tistax tlaħħaq ma’ ward mimlija residenti.

Il-każ seħħ it-Tlieta filgħodu fejn minkejja sejħiet mill-Pulizija biex jekk persuna rat lil dan l-anzjan għandha tgħaddi l-informazzjoni kollha, l-anzjan għadu ma nstabx. Qariba ta’ l-anzjan, Karmenu Fino, magħruf bħala ‘Charlie’, qalet li hu jbati mid-dimensja.

Il-President tal-MUMN, Paul Pace qal kif in-nuqqas drastiku ta’ infermiera qed iwassal għal dawn is-sitwazzjonijiet xejn sbieħ, bl-anzjan li ilu mitluf għal iktar minn jumejn. Iżda minkejja li l-Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne ġie mgħarraf dwar dan, saħansitra l-union ilhom jinsistu dwar il-bżonn ta’ iktar infermiera għal snin sħaħ, hu qed jitfa’ l-ħtija fuq l-infermiera wara li trattahom bħala teatrin sħiħ.

Skont l-MUMN, l-infermiera li kienet responsabbli f’din il-ward, kienet kompletament weħidha filwaqt li kien l-ewwel darba għaliha li kienet responsabbli għal din il-ward… responsabbiltà mhix żgħira meta tikkunsidra li r-residenti kollha huma meqjusa mill-union bħala pazjenti hekk kif jirrekjedu xi forma ta’ kura.

Hu ta’ importanza li wieħed jinnota li kull infermiera sippost ikollha taħt il-kura tagħha sa erba’ pazjenti… iżda dan il-każ wera biċ-ċar kif infermiera waħda kienet qed tieħu ħsieb 35 pazjent.

Investigazzjoni interna qed titmexxa mill-Imħallef irtirat Geoffrey Valenzia sabiex ikun stabbilit x’wassal għal dan.