Internazzjonali

Ir-Russja: Vladimir Putin fadallu l-ambizzjonijiet biex jikkontrolla l-parti kbira tal-Ukrajna

L-aġenziji sigrieti tal-Istati Uniti jemmnu li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, għadu determinat daqs qatt qabel biex jaħtaf il-kontroll fil-maġġoranza tar-reġjuni tal-Ukrajna. Dan minkejja li l-avvanzi tat-truppi tiegħu fl-artijiet Ukreni għadhom qed jaħbtu mal-intoppi huma u jirreġistraw numru ta’ suċċessi militari li, madankollu, mhumiex daqstant deċiżivi għall-gwerra li ilha għaddejja mill-aħħar ta’ Frar.

L-aġenziji sigrieti Amerikani, issa, qed jgħidu li t-truppi ta’ Moska jistgħu biss jagħmlu avvanzi minimi fl-artijiet Ukreni wara li ddgħajfu sew mill-gwerra. Min-naħa tagħha, Avril Haines, bħala d-Direttur tan-National Intelligence mal-Gvern Amerikan, wissiet li s-sitwazzjoni x’aktarx li tfisser li l-gwerra fl-Ukrajna se tkompli għat-tul taż-żmien.

Haines, fl-istess ħin, enfasizzat li Vladimir Putin għandu l-istess ambizzjonijiet bħalma kellu fil-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna u li hu ‘mhux se jaċċetta disfatta’ wara li kien ħalef biex l-Ukrajna tispiċċa taħt il-kontroll tal-Kremlin.

Madankollu, Avril Haines ma temminx li r-Russja għandha tilħaq dan it-tragward meta qed tidher disparità kbira bejn il-pjanijiet militari ta’ Putin u l-kapaċitajiet tas-suldati tiegħu fl-Ukrajna.

Mindu falliet fl-attentati inizjali biex taħtaf il-kontroll ta’ Kiev (il-kapitali Ukrena), l-Armata tar-Russja kkonċentrat l-attakki fuq ir-reġjun tad-Donbas lejn il-lvant tal-Ukrajna. Dan waqt li Vladimir Putin għadu jinsisti – mingħajr ma jressaq il-provi – li l-Ukrajna qed twettaq ‘ġenoċidju’ kontra l-poplu fid-Donbas li jitkellem bir-Russu.

Intant, il-qawwiet Russi, fl-aħħar jiem, ħadu l-kontroll fil-belt ta’ Severodonetsk, iżda ftit qegħdin jagħmlu progress fl-inħawi —  u meta l-qawwiet Ukreni fiz-zona għadhom qed jirreżistuhom bl-aħrax.