Lokali

“Is-sitwazzjoni fil-Korp qatt ma kienet daqshekk ħażina”- MPU tħabbar aktar direttivi

Il-Gvern mhux lest li jtejjeb is-sitwazzjoni – Il-Pulizija ordnati ma joqgħodux mal-barriers waqt il-festi

Bi strateġija tal-Gvern li ma hi qed twassal għal imkien, is-sitwazzjoni fi ħdan il-Korp tal-Pulizija qatt ma kienet daqshekk iddisprata.

Sostniet dan il-Malta Police Union fi stqarrija fejn ħabbret aktar direttivi lill-membri tagħha.

L-MPU saħqet li tinsab iddiżappuntata ferm li l-Gvern mhux lest li jtejjeb is-sitwazzjoni filwaqt li insistiet li fl-aħħar 18-il xahar telqu mill-Korp ‘il fuq minn 300 uffiċjal.

Għaldaqstant l-Union spjegat li mis-6 ta’ filgħodu tal-Ġimgħa l-1 ta’ Lulju, apparti d-direttivi diġa mħabbra l-membri tagħha jridu jsegwu dawn id-direttivi segwenti.

  1. Jilbsu l-baseball cap tal-Pulizija
  2. Jilbsu t-T-shirt tal-Pulizija għad-dmirijiet kollha minbarra dawk tal-Qorti u Tribunal – flimkien ma’ tag ta identifikazzjoni.
  3. Ma jagħmlux fixed duties mal-barriers fil-festi u avvenimenti oħra.
  4. Jaċċettaw biss rapporti li jseħħu fid-distrett fejn ikunu xogħol huma.
  5. F’każi ta’ dixxiplina interna, meta mitkellma mill-Professional Standards, ma jwieġbu għall-ebda domanda.
  6. Ma jagħtux statements meta mitluba mis-superjuri tagħhom, minbarra meta dawn il-fatti jkunu jridu jitniżżlu fir-rapporti tal-NPS.
  7. Ma jiġbru ebda applikazzjoni li għandha x’taqsam ma’ Servizz.gov.
  8. Ma jiċċarġjawx bid-dawl tagħmir tal-Pulizija fid-djar tagħhom; bħal radjijiet u mowbajls.
  9. Meta jispiċċaw mix-xogħol ma jwieġbu għall-ebda email jew messaġġ fuq Facebook b’rabta ma xogħol…jekk ma jitħalsux tagħhom.
  10. Ma jiċċekkjawx rapporti online, u ma jdaħħlux rapporti li jkunu rċevew permezz ta’ e-mail.
  11. Jinjoraw għal kollox talbiet ta’ kwota taċ-ċitazzjonijiet mis-superjuri tagħhom.

L-MPU insistiet li l-uffiċjali tal-Pulizija m’humiex robots li jitħadmu fuq excel sheet – “L-uffiċjali tal-Pulizija huma umani wkoll”