Internazzjonali

Iżrael: Lapid jieħu r-riedni bħala Prim Ministru, bil-pajjiż iħejji għall-ħames elezzjoni f’anqas minn erba’ snin

Iżrael qed iħares ‘il quddiem lejn l-amministrazzjoni ta’ Yair Lapid li – fi żmien ftit sigħat – se jieħu r-riedni bħala Prim Ministru ġdid wara li l-Parlament (Knesset) spiċċa jxolji f’nofs il-ġimgħa.

Ix-xoljiment ifisser li Iżrael qed jaħseb diġà fil-ħames elezzjoni f’erba’ snin – b’Lapid, li jmexxi lill-Partit Yesh Atid taċ-ċentru u li sa ftit ilu kien qed iservi bħala l-Ministru Iżraeljan għall-Affarijiet Barranin, jieħu t-tmexxija ta’ pajjiżu minn idejn Naftali Bennett, skont ftehim għall-qsim tal-poter.  

Bennett u Lapid kienu ffurmaw koalizzjoni ta’ tmien partiti wara l-elezzjoni ġenerali tas-sena l-oħra f’Iżrael. Intant, sar magħruf li l-elezzjonijiet li jmiss f’Iżrael se jsiru fl-Ewwel ta’ Novembru

Il-kroll, ftit jiem ilu, tal-koalizzjoni kien żvilupp li, fost oħrajn, kapaċi jqabbad il-pajjiż f’direzzjoni politika ġdida.

Is-sitwazzjoni anki qed toħloq opportunità biex Benjamin Netanyahu – li waqqaf rekord bħala l-aktar Prim Minsitru Iżraeljan li dam fil-kariga – jagħmel ‘comeback’ fix-xena politika minkejja li għaddej minn proċess tal-qorti biex iwieġeb għal akkużi ta’ korruzzjoni ( u li qed jiċħad għalihom).

F’Ġunju tas-sena l-oħra, Netanyahu – li l-Partit Likud (tal-lemin) tiegħu x’aktarx li jibqa’ l-akbar partit fil-Knesset – kien tqaċċat mill-poter minn Bennett u Lapid u fejn irriżulta żblokk wara sentejn ta’ staġnar politiku.

U issa Lapid, li għandu 58 sena u li kien personalità magħrufa fil-media Iżraeljana, għandu jservi bħala Aġent Prim Ministru Iżraeljan sa dakinar tal-elezzjoni ġenerali li jmiss.