Lokali

L-uffiċjali tal-LESA qed jibqgħu jiġu injorati minn Byron Camilleri

“Suppost kellu jiltaqa’ magħna…u ma preżentax ruħu għal laqgħa”

Kollox jindika li l-Ministru Byron Camilleri qed jiġi jaqa’ u jqum mis-sitwazzjoni tal-uffiċjali tal-LESA li issa ilhom aktar minn ġimgħa jsegwu direttivi ordnati mill-General Workers Union.

Tant hu hekk, illi sorsi li tkellmu ma’ Net News spjegaw li tul il-jum il-Ministru, suppost, kellu jattendi għal laqgħa mal-membri tal-Union sabiex isibu soluzzjoni għas-sitwazzjoni prekarja li jinsabu fiha. Iżda l-Ministru, skont kif qalu s-sorsi tagħna, ma’ preżentax ruħu.

L-istess sorsi spjegaw li l-laqgħa li kellha ssir mal-Ministru, saret ma’ uffiċjali għolja – li minflok ipprovaw isibu soluzzjoni għat-talbiet tagħhom, attakkaw lill-istess membri u uffiċjali tal-LESA u għajruhom li qed joħolqu minn din il-kwistjoni “ballun politiku”.

Għaldaqstant l-affarijiet għadhom ma ċċaqilqux, bl-uffiċjali tal-LESA qed jibqgħu jappellaw għal titjib fil-paga u fil-kundizzjonijiet.

Allegatament, l-unika proposta li waslitilhom fl-aħħar jiem min-naħa tal-Gvern kienet żieda ta’ 13-il ċenteżmu fis-siegħa – żieda li sintendi mhux qed tiġi kkunsidrata bħala waħda xierqa.

Għaldaqstant id-direttivi għadhom ugwali bħal dawk ta’ ġimgħa ilu bl-uffiċjali tal-LESA li jaħdmu fir-rottot ħadd ma huwa qed iħarrek…u qed joħorġu bħala pajżana.

Dan filwaqt li minn 8 uffiċjali jaħdmu fid-dipartiment tal-kollużżjonijiet – Malta spiċċat b’żewġt uffiċjali biss….bi tnejn oħra jaħdmu fl-istess dipartiment fil-gżira Għawdxija.

Dawn l-azzjonijiet industrijali u t-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-Gvern, partikolarment mill-Ministru Camilleri qed iwasslu sabiex s-sigurtà taċ-ċittadini tispiċċa taħt tħassib serju.

Bis-sorsi jisħqu li ma huwa qed isir xejn għaliex minkejja l-istrajk u d-direttivi…70% tad-dħul tal-kumpanija LESA mhux jintmess għaliex il-control room għadha qed topera; li jfisser li l-ispeed cameras għadhom qed jiffunzjonaw.