Basketball Sport

Malta tegħleb lill-Andorra għat-tieni rebħa fil-FIBA European Championships

Minn Grupp A Kampjonat FIBA għall-Istati Żgħar tal-Ewropa, Malta 72 u Andorra 70. Partita li taqtalek nifsek u fl-istess ħin tħallik tistenna għal xi ħaġa differenti u lil hinn mis-soltu. Dawk huma l-ingredjenti ta’ partita oħra mill-isbaħ li kellu t-tim Nazzjonali Malti li f’kumpless imballat b’partitarji li ma waqfux sekonda . U kien propriju fl-aħħar sekonda li seħħ l-anqas mistenni. Bil-punteġġ 70 – 69 għall-Andorra, sekonda mit-tmiem three pointer ta’ Falzon għalaq il-partita 72 – 70 għal Malta.

Ftuħ b’saħħtu minn Malta li sa nofs l-ewwel sessjoni kienu fetħu vantagg 18 – 7 liema sessjoni intemmet 22 – 13. Andorra kienu aktar fil-partita matul it-tieni sessjoni fejn l-aktar li resqu viċin kien 22 – 19. Bil-logħob jalterna , lejn tmiem is-sessjoni it-tim Malti għalaq fuq l-offensiva b’distakk ta’ disa’ punti 37 – 28.

Fit-tielet sessjoni minn vantaġġ ta’ 45 – 42 risposta minn Andorra li marru 54 – 47 bid-differenza li f’reazzjoni b’saħħitha kien it-tim Malti li mar għall-aħħar sessjoni 55 – 54 fil-vantaġġ. Fl-aħħar sessjoni bl-iskor ixaqleb fuq naħa jew oħra sa sekonda mit-tmiem 70 – 69 għal Andorra sa kemm waslu t-tlett punti ta’ Falzon 72 – 70 u bdew ic-celebrazzjonijiet.