John Spiteri ta’ 56 sena mill-Qrendi, li hu mfittex mill-awtoritajiet Taljani fuq suspett li hu involut f’ċirku ta’ traffikar ta’ kokaina fl-Italja, inħeles mill-arrest wara li t-talba għall-estradizzjoni tiegħu ma saritx skont il-liġi.
It-Tribunal ta’ Katanja kien talab lil Malta biex l-akkużat jiġi estradit lejn l-Italja.
Lura għal Diċembru l-għadda kienet saret din it-talba, bil-proċeduri fil-Qorti jingħataw bidu minnufiha… sakemm il-Ħamis, l-avukati ta’ Spiteri qalu li l-prosekuzzjoni ma ppreżentatx l-informazzjoni meħtieġa, bl-Avukat Ġenerali, Victoria Buttigieg ma ħarġitx il-mandat ta’ arrest Ewropew kif kellu jsir.
Fid-dawl ta’ diversi nuqqasijiet li saru, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ma setgħetx tieħu deċiżjoni dwar it-talba li saret u b’hekk ordnat il-ħelsien mill-arrest ta’ Spiteri.
Dwar dan, l-Għaqda Repubblika talbet għar-riżenja immedjata ta’ Victoria Buttigieg hekk kif nuqqas bħal dan wassal biex allegat kriminal qed jiġri mas-saqajn. Dan filwaqt li żballji mill-Avukat Ġenerali mhux l-ewwel darba li saru, b’riżultat li qed tagħti protezzjoni lill-kriminali f’pajjiżna.
Ftit jiem ilu, akkuża ta’ tixħim waqgħet minħabba “żball” minn naħa tal-istess Buttigieg rigward il-każ ta’ tixħim mill-avukati ta’ Yorgen Fenech fil-konfront tal-ġurnalist Ivan Martin.