Lokali Parlament

Problemi ta’ sigurtà u ħarsien tar-regoli fl-Imsida, is-Swieqi, Paceville, San Ġiljan u Tas-Sliema

Graham Bencini, PN

Id-deputat Nazzjonalista Graham Bencini qal fl-Aġġornament tal-parlament li jeżistu problemi ta’ sigurtà u ħarsien tar-regoli fl-Imsida, is-Swieqi, Paceville, San Ġiljan u Tas-Sliema.

Hu qal li f’Jannar ta’ din is-sena, tfajla Pollaka kienet stuprata u maqtula b’mod vjolenti fi Ġnien Indipendenza f’Tas-Sliema. Tliet ġimghat ilu, is-Sindku ta’ Tas-Sliema ġie aggredit minn żewġ żgħażagħ fuq il-blat f’Tas Sliema u ġimgħatejn ilu, raġel li kien qiegħed jiġri fuq il-Promenade f’Tignè ġie aggredit min raġel, li wara nstab li kellu sikkina fuqu.

F’Paceville ġimgħatejn ilu, raġel mil-Marsa, instab mal-art qed imut, wara ġlieda ma’ raġel ieħor fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu.

FPaceville, rajna li seħħet ġlieda bejn bouncers ta’ night club u diversi nies oħra fejn saħansitra tefgħu security barrier f’dan l-istess night club. Manager li jaħdem f’ dan l-istabbilment jgħid li kellhom diversi inċidenti bħal dawn, ħafna drabi ma’ gangs taż-żona. L-istess manager jgħid li għandhom bżonn iktar preżenza ta’ pulizija f’din iż-żona.

Bl-ebda mod mhux qed immaqdar il-Pulizija. Fil-familja tiegħi kellna żewg kummissarji tal-pulizija u għandi rispett kbir lejn ix-xogħol tal-Korp tal-Pulizija.

Il-ġimgha l-oħra, wara it-talba tiegħi għal-laqgħa mal-Kummissarju tal-Pulizija biex nindirizzaw din il-problema tas-sigurtà, it-talba tiegħi ġiet milqugħa mid-Deputat Kummissarju Ramon Mercieca u l-Ispettur Gabria Gatt.

L-anzjani qed jibżgħu. Il-ġenituri li kull weekend jkollhom it-tfal tagħhom jmorru f’Paceville biex jieħdu gost, imwerwin li dawn it-tfal jispiċċaw aggrediti jew jispiċċaw f’nofs ġlieda li ma jkollom x’jaqsmu xejn magħha.

Irridu iktar preżenza ta’ pulizija u dan ma jfissirx li jkollna stat polizjesk. Imma jekk hemm żoni f’pajjiżna, fejn il-kriminalità hi iktar għolja, jekk hemm żoni li jattiraw ġlied f’Paceville u jekk hemm żoni li veramet qed jattiraw dawn il-gangs, allura irid ikollna preżenza iktar qawwija ta’ pulizija li huma mħarrġa u mgħammra biex jittrattaw inċidenti bħal dawn. Is-sigurtà tan-nies trid tkun il-prijorità ewlenija tagħna.

Graham Bencini tkellem dwar l-e-scooters u qal li jemmen fil-vetturi elettrici minħabba l-benefiċċji li għandhom għall-ambjent, iżda hu fatt li illum, dawn l-e-scooters saru problema kbira. Tara żgħażagħ, xi kultant tnejn, jew tlieta fuq kull scooter, għaddejn b’veloċità fuq il-promenade ta’ Tas-Sliema, ta’ San Ġiljan, jew tal Gżira, fejn suppost dawn l-e-scooters ma jistgħux jinstaqu fuq il-promenade.

Iżda xorta tarhom għaddejjin bl-addoċċ fuq il-promande, fejn imbagħad, tfal ‘il fuq min 12-il sena ma’ jistgħux isuqu ir-rota fuq dan l-istess promenade,

Hemm każi fejn nies weġġgħu sew, saħansitra kisru idejhom minħabba l-fatt li dawn l-e-scooters daħlu ġo fihom.

Ma jistax jkun li għandna sitwazzjoni bħal ma għandna bl-e-scooters fejn ħadd ma jaf eżattament, jekk hemmx liġi jew jekk hemm liġi, xi tgħid din il-liġi. Illum hadd ma jaf jgħid fejn jistgħu jinstaqu dawn l-e-scooters. Li hu żgur hu li ma jistax jkun li dawn l-e-scooters jibqgħu jkunu ta’ periklu għan-nies.

Aparti l-periklu, qed ikunu ta’ inkonvejnet kbir minħabba il-fatt li wara li jintużaw, in-nies jitilquhom bl-addoċċ.

Problema oħra għar-residenti ta’ dawn il-lokalitaijiet hi l-istorbju eċċessiv, kemm minn stabbilimenti ta’ divertiment kif ukoll min-nies li jagħmlu parties f’postijiet pubbliċi bħal fuq il-blat.

Meta dawn ir-residenti jagħmlu rapporti, jew ma jkunx hemm biżżejjed pulizija fl-għassa partikolari biex jiwaqqaf dan l-istorbju, jew jekk jmorru l-pulizija u jgħidulhom ma jagħmlux storbju, wara li l-pulizija jitilqu, jerġgħu jibdew jagħmlu l-istorbju. Ma jistax jkun li r-residenti f’dawn il-lokalitajiet ma jistgħu jorqdu bil-lejl minħabba dan l-istorbju eċċessiv. Jekk hemm bżonn, jekk il-liġijiet mhumiex adegwati, nirreveduhom. Xi ħaġa jrid isir għax dan l-istorbju qed jaffettwa l-kwalità ta ħajja ta’ dawn in-nies.