Internazzjonali

Putin għadu determinat li jaħtaf il-parti l-kbira tal-Ukrajna

L-aġenziji sigrieti tal-Istati Uniti jemmnu li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, għadu determinat daqs qatt qabel li jaħtaf il-kontroll fil-maġġoranza tar-reġjuni tal-Ukrajna. Dan minkejja li l-avvanzi tat-truppi tiegħu fl-artijiet Ukreni għadhom qed jaffacjaw intoppi f’din il-gwerra li ilha għaddejja mill-aħħar ta’ Frar.

L-aġenziji sigrieti Amerikani, issa, qed jgħidu li t-truppi ta’ Moska jistgħu biss jagħmlu avvanzi minimi fl-artijiet Ukreni wara li ddgħajfu sew mill-gwerra. Min-naħa tagħha, Avril Haines, bħala d-Direttur tan-National Intelligence mal-Gvern Amerikan, wissiet li s-sitwazzjoni x’aktarx li tfisser illi l-gwerra fl-Ukrajna se tkompli għal żmien twil.

Haines, fl-istess ħin, enfasizzat li Vladimir Putin għandu l-istess ambizzjonijiet bħalma kellu fil-bidu tal-invażjoni tal-Ukrajna u li hu mhux se jaċċetta disfatta wara li kien ħalef li l-Ukrajna tispiċċa taħt il-kontroll tal-Kremlin. Madankollu, Haines ma temminx li r-Russja għandha tilħaq dan it-tragward.

Mindu falliet fl-attentati inizjali biex taħtaf il-kontroll ta’ Kiev, l-Armata tar-Russja kkonċentrat l-attakki fuq ir-reġjun tad-Donbas lejn il-lvant tal-Ukrajna.

Issa ħarġet wkoll l-aħbar li r-Renju Unit qed jipprovdi taħriġ lil mijiet tat-truppi Ukreni, minbarra li qed iwassal armi ġodda lill-Ukrajna biex tkompli tirreżisti lit-truppi ta’ Putin.

Waqt it-taħriġ – li qed isir f’Wiltshire county fl-Ingilterra – it-truppi Ukreni qed jitħarrġu fl-użu tal-Multiple Rocket Launcher Systems, fost indikazzjonijiet li l-Britanniċi se jipprovdu lill-Ukrajna bi tlieta minn dawn is-sistemi avvanzati li kapaċi jisparaw rokits fuq distanzi kbar. Ir-Renju Unit qed jipprovdi anki lill-Ukrajna għexieren ta’ artillerija, inkluż tat-tip Howitzer u li wkoll kapaċi jisparaw balal fuq distanzi konsiderevoli.

Intant, ir-Russja qalet li l-qawwiet tagħha ma baqgħux jikkontrollaw gżira ta’ importanza strateġika fil-Baħar l-Iswed u li kienet zona ta’ ġlied qalil sa mill-bidu tal-gwerra. Il-kelliema f’Moska fissru l-irtirar tas-suldati tagħhom mill-hekk-imsejjaħ Snake Island bħala ġest ta’ rieda tajba bil-għan li, ‘il quddiem,  l-esportazzjoni tal-qmuħ ssir aktar faċli.

Iżda l-Ukrajna qed tfisser l-irtirar minn’ Snake Island’ bħala rebħa kbira għall-Ukreni kollha, bil-Prim Ministru Britanniku Boris Johnson jirreferi mill-ġdid għall-kapaċitajiet tal-Ukreni biex jirreżistu lill-għadu.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju-Ġenerali tan-NATO, Jens Stoltenberg, waqt it-tieni jum tas-summit tal-Alleanza f’Madrid, qal li l-pajjiżi membri qablu dwar żieda ta’ fondi sinifikanti għall-Alleanza. Dan meta fl-aħħar sigħat, ir-rappreżentanti tal-Iżvezja u l-Finlandja kienu qed iħejju biex jiffirmaw il-protokoll għas-sħubija ta’ pajjiżhom fin-NATO.PUTIN GĦADU DETERMINAT LI JAĦTAF IL-PARTI L-KBIRA TAL-UKRAJNA