Futbol Sport

Tottenham jakkwistaw lil Richarlison mingħand Everton

(Ritratt: EPA)

Suġġett għal testijiet mediċi li se jsiru fil-Brażil fil-jiem li ġejjin, Tottenham Hotspur laħqu ftehim ma’ Everton għall-akkwist tal-attakkant ta’ 25 sena Richarlison. L-offerta inizzjali kienet ta’ £40 miljun iżda Everton ma’ kienux kuntenti u rrifjuttaw bl-Ispurs iżidu l-offerta għal total ta’ £60 miljun fejn għalkemm jidher li t-Toffees xorta waħda riedu aktar minn hekk ma’ setgħux ma’ jaċċettawx hekk kif sal-lum riedu jissodisfaw il-kriterji finanzjarji tagħhom minħabba l-liġi tal-Financial Fair Play.

Dan se jkun ir-raba’ akkwist dan is-sajf għall-kowċ Antonio Conte wara dawk ta’ Fraser Forster, Ivan Perisic u Yves Bissouma. Tottenham qed jaħdmu wkoll fuq l-akkwist tad-difensur ta’ Barcelona Clement Lenglet b’self.

L-istaġun li għadda Richarlison skorja 10 goals fi 30 logħba ma’ Everton, bl-aħħar gowl ikun fl-aktar logħba importanti għalihom fir-rebħa ta’ 3-2 kontra Crystal Palace li biha Everton salvaw posthom Premier League.