Lokali

Clayton Bartolo jinsisti li l-Legal Notice dwar il-mużika fil-Belt għandha tibqa’ fis-seħħ

Il-Legal Notice li daħlet fis-seħħ ftit tal-jiem ilu dwar il-ħin li fih għandha tindaqq il-mużika fil-Belt Valletta, qajmet kontroversja sħiħa. Dan hekk kif bosta residenti tal-Belt, kif ukoll operaturi kummerċjali li investew flushom fil-kapitali, huma kontra n-nuqqas ta’ bilanċ illi jgib mieghu dan l-Avviz Legali.

Minkejja dan, il-membri tal-Kabinett tal-Prim Ministru Robert Abela ftit li xejn qed jismgħu r-rabja ta’ bosta residenti Beltin wara l-aħbar li numru ta’ stabilimenti fil-kapitali se jibqgħu jdoqqu l-mużika sas-siegħa ta’ filgħodu. Bil-Ministru tat-Turiżmu jagħmilha ċara li fil-Parlament se jkun qed jivvota favur li din il-legal notice tibqa’ fis-seħħ.

Il-Ġimgħa filgħodu, stqasejna lill-istess Ministru jekk kellux ilmenti dwar din id-deċiżjoni li ħa l-Gvern ta’ Abela… bil-Ministru jwieġeb li ma kellu l-ebda ilment…iżda persuni li tkellmu ma’ dan is-sit stqarrew li huma stess wasslu personalment l-ilmenti tagħhom lill-Ministru. Fosthom, operaturi ta’ Boutique Hotels.

Dwar din il-deċiżjoni li l-mużika fil-Belt tibqa’ tindaqq sas-1am, l-Assoċazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti qalet li l-Gvern qas biss indejna ruħu jikkonsulta magħha… deċiżjoni li fi kliem l-MHRA stess qed tpoġġi f’riskju kbir li l-Belt Valletta ssir destinazzjoni oħra ta’ nightclubs. L-MHRA qed tgħid illi din m’għandhiex tkun il-mira ta’ kull min għandu għal qalbu l-prinċipju ta’ tkabbir ta’ turiżmu sostenibbli.

Bħalissa, qed ikompli jikber it-tħassib fost numru ta’ sidien ta’ postijiet ta’ akkomodazzjoni fil-Belt Valletta dwar kif din il-legal notice se tkun il-kaġun li l-belt kapitali titlef l-identità tagħha speċjalment mat-turisti li jiddeċiedu li joqogħdu fil-Belt… proprju minħabba dawn il-karatteristiċi uniċi. 

Il-PN minn naħa tiegħu ħa azzjoni immedjata, u ressaq mozzjoni fil-Parlament biex titwaqqaf din il-Legal Notice illi ħareġ il-Gvern minn wara dahar kulħadd.