Futbol Sport

Dybala, Isco u Suarez fost il-plejers li jinsabu bla kuntratt

(Ritratt: EPA)

Bil-kuntratti tal-maġġor parti tal-plejers ikollhom skadenza sal-aħħar ta’ Ġunju, kull sena l-lista ta’ plejers li jkunu bla kuntratt, minħabba li jkunu ddeċidew li ma’ jestendux mal-klabbs tagħhom, tkun tinkludi bosta ismijiet interessanti.

Din is-sena xejn inqas b’diversi ismijiet ta’ plejers ta’ fama mondjali li jinsabu bla klabb b’uħud minnhom b’futur inċert għal kollox u oħrajn li jkunu qedin jagħlqu l-aħħar negozjati biex tkun ikkonfermata d-destinazzjoni tagħhom l-istaġun li ġej. Bla dubju wieħed mill-akbar ismijiet fost il-lista ta’ din is-sena huwa l-Arġentin ta’ 28 sena Paulo Dybala, li wara seba’ staġuni ma’ Juventus kien ħabbar li mhux se jġedded mal-Bianconeri. Rapporti fil-media kienu qalu li Dybala kien offrut kuntratt mir-rivali ta’ Juventus, Inter, xi ħaġa li kienet ikkonfermata mid-Direttur Ġenerali Beppe Marotta. Mandankollu Sky Sport Italia f’Mejju kien irraporta li l-agent ta’ Dybala kien jinsab Londra, b’Arsenal u Chelsea jidher li kienu qed isegwu s-sitwazzjoni tal-Arġentin. Fl-aħħar sigħat jirriżulta wkoll li ċ-champions Taljani Milan qed jippreparaw offerta ta’ kuntratt għal Dybala.

Isem ieħor li jqajjem interess huwa dak tal-midfielder ta’ 30 sena Isco li l-avventura tiegħu ma’ Real Madrid ġiet fi tmiemha wara disa’ staġuni mal-Los Blancos. Fi Spanja stess Isco qed ikun segwit minn Real Betis u Seville iżda jidher li huwa se jkun qed ifittex esperjenza ġdida f’kampjonat ieħor b’rapporti fl-Italja jgħidu li l-aktar tim fis-Serie A li jinsab interessat fis-servizzi tal-Ispanjol huma Roma ta’ Mourinho.

Roma huma interessati li jiksbu lil Isco (Ritratt: EPA)

Dries Mertens huwa plejer ieħor li telaq il-klabb tiegħu wara esperjenza pożittiva mat-tim ta’ Napoli. Mertens kien ingħaqad man-Naplitani fl-istaġun 2013/14 mingħand PSV Eindovhen fejn matul dan il-perjodu lagħab 295 logħaba li fihom skorja 113-il gowl. L-interess ewlieni għall-Belġjan ġej l-aktar mill-Premier League Ingliż b’Leeds United huma l-aktar favoriti iżda għandhom kompetizzjoni minn Newcastle. L-eks attakkant ta’ Liverpool u Barcelona Luis Suarez, li l-aħħar żewġ staġuni lagħbom ma’ Atletico Madrid, ukoll huwa wieħed minn dawn il-plejers fejn wara li kien qed jissemma bis-saħħa li jirritorna fil-Premier League ma’ Aston Villa, il-ġurnalisti Ingliżi qed jinsistu li l-Clarets m’għandhom l-ebda intenzzjoni li jiffirmaw lill-attakkant ta’ 35 sena. L-aktar favoriti għall-fimra ta’ Suarez bħalissa huma ċ-champions renjanti tal-Arġentina River Plate.

Fost ismijiet oħra nsibu lil Andrea Belotti, Christian Eriksen, Ousmane Dembele, Federico Bernardeschi u Alessio Romagnoli b’dawn il-pleyers kollha jinsabu bla klabb u bil-futur tagħhom għadu inċert għall-aħħar. Barra minnhekk hemm oħrajn li l-kuntratt tagħhom skada fl-aħħar ta’ Ġunju, iżda bid-differenza li dawn jidher li diġa laħqu fttehim ma’ klabb ġdid. Wieħed minnhom huwa Paul Pogba li hu mistenni jasal Turin f’dawn il-jiem biex jerġa jirritorna ma’ Juventus wara li kien diġa jilgħab magħhom qabel ma’ ingħaqad ma’ Manchester United fl-istaġun 2016/17. Juventus jinsabu wkoll f’diskussjonijiet avvanzati mal-midfielder laterali Angel Di Maria. Barcelona mistennija jiffirmaw żewġ plejers li spiċċalhom il-kuntratt mal-klabbs rispettivi tagħhom. Dawn huma l-eks Chelsea Andreas Christensen u Franck Kessié li lagħab l-aħħar ma’ Milan.

Angel Di Maria jinsab f’diskussjonijiet ma’ Juventus (Ritratt: EPA)