Lokali Qorti

Weġġa’ gravi lil missieru iżda biex jiddeffendi lilu nniffsu

Raġel ta’ 48 sena, residenti l-Fgura instab ħati li kkaġuna ferita gravi fuq missieru iżda ġie lliberat minn kull reat għaliex mill-provi rriżulta li huwa wettaq reazzjoni li wasslet għall-ġrieħi biex jiddefendi lilu nnifsu. Ir-raġel li ismu mhux qed jissemma biex tiġi protetta l-identità tal-familja kollha kien qed jiġi akkużat ukoll li darab lil ommu f’inċident li seħħ kmienu filgħodu fit-12 ta’ Diċembru tal-2017 f’residenza fil-Fgura.

L-Ispettur Roger Mifsud qal fil-Qorti li kien issejjaħ fid-dar tal-familja u sab lil omm l-akkużat b’daqqa f’moħħha u lil missieru mixħut mal-art bid-demm u speċi ta’ rawha ħierġa minn ħalqu. Mill-ewwel huwa qal li ċempel għall-ambulanza u bdiet tfittxija għal binhom għax kien telaq minn fuq il-post.

Huwa nstab fi Triq Hompesch u hawn beda jaġixxi b’mod aggressiv mal-pulizija u għalhekk kellhom jużaw it-taser fuqu biex ġie arrestat. L-omm xehdet li mar riditx tixhed kontra binha iżda qalet ukoll li ma kkawżalha l-ebda ġrieħi. Qalet li hija weġġgħet meta bdiet tiġbet lil żewġha, illum mejjet, meta dan kien qed jargumenta ma’ binha fit-taraġ tad-dar.

L-omm qalet lill-maġistrat Claire Stafrace Zammit li weġġgħet għax ħabtet moħħha ma’ biċċa għamara meta waqgħet it-taraġ. Skont l-omm l-argument bejn żewġha u binha nqala’ wara li żwġha tela’ fil-kamra tal-bejt fejn kien iħobb jorqod binha għax ħaseb li kien qed jagħmel l-istorbju.

Xehdet ukoll li żewġha, kien diġà rrabjat għal ibnu u kif daħal fil-kamra qabdu minn idejh it-tnejn. Biex jevitah, binha għolla jdejh u laqat lil missieru fuq nagħsu. Kien hawn li l-omm ġibdet lil żewġha u peress li t-tnejn kienu fuq it-taraġ, hija għelbet lura u rromblat it-taraġ.

Komplit tixhed li rat lil żewġha nieżel it-taraġ iżomm mal-ħadid meta f’daqqa u l-ħin tfixkel fl-aħħar żewġ tarġiet u waqa’ għal rasu. Hija qalet li żewġha kien raġel nervuż ħafna u kien għalhekk li binha beda jgħix fil-kamra tal-bejt biex kemm jista’ jkun ma jkollux x’jaqsam ħafna ma’ missieru. L-omm qalet ukoll li kien hemm mumenti meta lilha kien issawwatha anke quddiem uliedha.

It-tabib Andre Mercieca xehed li l-missier kellu tbenġila f’rasu madwar għajnejh u kien fil-periklu tal-mewt. Huwa miet minħabba ċirkostanzi li ma kellhox x’jaqsmu ma’ dan il-każ. Fid-deċiżjoni tagħha, il-qorti qieset ix-xhieda tal-omm bħala waħda veritiera. Hija nnotat ukoll in-natura kemxejn aggressiva tal-missier li kien diżilluż bl-imgħoddi ta’ ibnu u kien għalhekk li kienet taqbiżlu malajr meta jaħseb li ibnu reġa’ għamel xi waħda.

Il-Maġistrat qalet li hija konvinta li l-akkużat qatt ma kellu l-intenzjoni li jweġġa’ lill-ġenituri tiegħu, b’mod partikolari lil ommu li jħobb ħafna. Qalet li hija konvinta li f’dan il-każ, l-akkużat ġie pprovokat mill-atteġġjaement aggressiv tal-missier.

Qalet li l-akkużat irreaġixxa b’dak il-mod biex jiddefendi lilu nnifsu meta nħasad minn missieru waqt li kien rieqed fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. “Ċertament it-tifel ma kienx qed jantiċipa l-atteġġjament ta’ missieru li ħatfu minn idejh bis-saħħa”, qalet il-qorti.

Madankollu, il-qorti qalet li mhux biżżejjed li t-theddida tkun gravi, inġusta u inevitabbli għax r-reazzjoni tal-akkużat trid tkun proporzjonata. Qalet li l-akkużat mar ftit aktar minn dak permess mil-liġi meta ddefenda lilu nnifsu meħud kont li huwa persuna kbira u missieru kien raġel avvanzat fiż-żmien u l-inċident seħħ fuq xifer taraġ. Għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti sabet lill-akkużat ħati, iżda biss li weġġa’ lil missieru iżda lliberatu minn kull piena. Il-qorti ordnatlu wkoll jħallas kważi €580 fi spejjeż tal-qorti.