Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Ir-Russja qed tisħraq il-qmuħ tal-poplu Ukren

L-Ukrajna kienet qed tittama li l-irtirar tal-qawwiet Russi ( nhar il-Ħamis) mill-gżira strateġika bl-isem ‘Snake Island’ kellu jnaqqas mit-theddida tal-gwerra għall-port ta’ Odessa u l-madwar. Iżda waqt li r-Russja qalet li rtirat it-truppi mill-inħawi ‘biex turi li mhix qed tfixkel l-esportazzjoni tal-qmuħ minn Odessa u portijiet oħra’, l-Ukrajna insistiet li r-Russi, fl-aħħar sigħat, komplew xorta waħda l-bumbardamenti fuq l-imħażen tal-qmuħ fl-artijiet Ukreni.

Fil-fatt, jidher li r-Russja tassew qed tisraq il-qmuħ mill-inħawi Ukreni tan-nofsinar fost l-akkużi ripetuti tal-Ukrajna li ‘dan is-serq qed jiggrava s-sitwazzjoni umanitarja anki ‘il hinn mill-artijiet tagħha’.

L-aħħar rapporti qalu, intant, li r-Russi bdew jittrasportaw il-qmuħ mit-territorji tal-Ukrajna li huma okkupati mill-qawwiet ta’ Moska. Dan meta bastiment mgħobbi b’eluf ta’ tunnellati ta’ ċereali telaq mill-belt tal-port ta’ Berdyansk fid-direzzjoni ta’ ‘pajjiżi li mhumiex ostili għar-Russja’.

Intant, l-assedju tar-Russi fuq il-portijiet tal-Ukreni kompla jikkontribwixxi għan-nuqqasijiet tal-ikel f’sitwazzjoni li, bħalissa, qed taffettwa lid-dinja kollha.