Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: L-Istati Uniti żżid il-preżenza militari madwar l-Ewropa

L-Istati Uniti se żżid il-preżenza militari tagħha madwar l-Ewropa wara li l-Alleanza tan-NATO qablet dwar ‘bidla fundamentali’ fit-tattiċi u l-istrateġiji tagħha, b’reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-qawwiet tar-Russja.

Intant, għandhom jinħolqu kwartieri ġenerali ġodda tal-Armata – fuq bażi permanenti – fil-Polonja anki waqt li bastimenti tal-gwerra ġodda tal-Istati Uniti jkunu stazzjonati fi Spanja.

Kollox, intant, qed jindika li l-ajruplani fighter-jets tal-Amerikani se jinżammu fuq allert fir-Renju Unit waqt li kontinġent ta’ truppi Amerikani se jkun ibbażat fir-Rumanija.

Il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li l-Alleanza tan-NATO, illum, saret aktar meħtieġa minn qatt qabel. Dan waqt li n-NATO għaddejja mill-akbar ristrutturizzazzjoni miż-żmenijiet tal-Gwerra l-Bierda bejn il-Punent u l-eks Unjoni Sovjetika komunista.

Il-pjan ġdid tan-NATO – bħala reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna – għandu jfisser li ‘il fuq minn 300,000 suldat li jkunu  ‘lesti għal kull eventwalità’ iridu jinżammu fuq stat għoli ta’ allert. Dan meta bħalissa, l-ammont ta’ suldati fuq livell ta’ combat preparedness hu madwar l-4,000.

Meta tkellem waqt l-aħħar summit tan-NATO f’Madrid, Biden qal li l-Alleanza, fil-jiem li ġejjin, għandha tissaħħaħ ‘minn kull aspett’ u speċjalment fejn jidħlu l-qawwiet tal-ajru u tal-baħar. Dan waqt li l-kontinġenti tat-truppi wkoll se jinkwadraw fir-ristrutturizzazzjoni tan-NATO.

Ir-Renju Unit – l-istess bħall-Istati Uniti – qed iżid il-‘kontribut’ ta’ qawwiet tiegħu għad-difiża kollettiva tan-NATO. Il-pass sinifikanti jinvolvi bastimenti tal-gwerra u ajruplani ( fighter-jets) addizzjonali, flimkien ma’ kontinġenti oħra ta’ militar li qed jinżammu fuq standby.

Id-dettalji kollha ma ngħatawx peress li huma sensittivi minn aspett militari.