Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Vladimir Putin iħarrax l-offensiva fuq iċ-ċivili  b’attakk qattiel fuq Odessa

Mietu talanqas 20 – fosthom numru ta’ tfal – wara li l-Armata tar-Russja sparat diversi missili lejn ir-reġjun ta’ Odessa, fin-nofsinar tal-Ukrajna. Is-sorsi Ukreni  qalu li kważi l-vittmi kollha kienu qegħdin f’bini ta’ disa’ sulari fil-villaġġ ta’ Serhiyivka u li kienet intlaqtet direttament minn missila.

Sadanittant, mifhum li mietu aktar nies waqt attakk separat tal-qawwiet Russi fuq resort fejn in-nies, is-soltu, kienu jmorru għall-btajjel tagħhom u li wkoll jinsab fl-inħawi ta’ Serhiyivka.

L-Armata tal-President Russu, Vladimir Putin, fl-aħħar jiem, sparat il-missili b’mod konsistenti fuq l-ibliet tal-Ukrajna. Dan waqt li l-kelliem ewlieni għall-Kremlin, Dmitry Peskov, mill-ġdid ċaħad li r-Russja qed timmira speċifikament għaċ-ċivili Ukreni u meta hu fl-ebda ħin ma rrefera għall-qerda assoluta ta’ ħafna bliet Ukreni f’dawn il-ġimgħat tal-gwerra.

Filwaqt li l-iskwadri għall-emerġenzi, fl-aħħar sigħat, kienu qed ifittxu għall-vittmi qalb ir-radam tal-bini meqrud f’Serhiyivka, l-aħħar rapporti kkonfermaw li ndarbu għexieren ta’ nies, inklużi tfal, waqt il-burraxka tal-missili fuq l-inħawi.

Intant, jaħsbu li l-bini inkwistjoni kellha mhux anqas minn 150 resident – bl-uffiċjali Ukreni qed jgħidu li l-attakk fuq iz-zona residenzjali inkwistjoni tmexxa minn ajruplani tal-gwerra tar-Russi li kienu qed itiru minn fuq il-Baħar l-Iswed.