Lokali

Il-katavru ta’ Lassana Cisse jintbagħat lura pajjiżu sabiex jindifen

Wara tliet snin, il-katavru ta’ Lassana Cisse ntbagħat lura l-Kosta tal-Avorju sabiex ikun jista’ jindifen fil-post fejn jgħixu uliedu kif ukoll il-qraba tiegħu.

Cisse, missier ta’ tliet itfal mill-Kosta tal-Ivorju li kellu 42 sena, kien inqatel kiesaħ u biered fil-lejl tas-6 ta’ April tal-2019 wara li żewġ suldati li kienu jiffurmaw parti mill-Forzi Armati ta’ Malta, Francesco Fenech u Lorin Scicluna, allegatament sparaw fuq tliet immigrant. Każ li għadu għaddej fil-Qrati Maltin.

Ix-xahar li għadda fil-Moskea f’Raħal Ġdid saret ċerimonja fejn ħbieb ta’ Lassana Cisse tawh l-aħħar tislima permezz ta’ ċelebrazzjoni ta’ talb. Matul din iċ-ċerimonja ntqal kif Cisse kien ġie Malta b’tama għal ħajja aħjar kemm għalih u anke għall-familja li ħalla warajh f’pajjiżu… iżda sfortunatament, ħajtu kellha tintemm b’mod krudili kaġun tar-razziżmu.

Il-katavru ta’ Cisse kien ġie rilaxxat għad-difna disa’ xhur wara l-qtil tiegħu… iżda għal xi raġun li baqgħet mhux magħrufa, il-katavru nżamm fil-kamra mortwarja għal sentejn sħaħ. Sa Marzu tal-2020, il-Gvern Malti kien wiegħed li r-ripatrijazzjoni ssir, bil-familja kellha tiġri wara l-Gvern biex il-katavru jintbagħat lura pajjiżu.