Internazzjonali

Il-Korea ta’ Fuq: Jgħidu li l-Covid-19 wasal fosthom mill-aljeni

A pupil has her temperature taken as part of anti Covid-19 procedures before entering the Pyongyang Secondary School No. 1 in Pyongyang on June 22, 2021. (Photo by KIM Won Jin / AFP) (Photo by KIM WON JIN/AFP via Getty Images)

Il-media tal-Istat Korean komunista qalet li l-pandemija tal-Covid-19 fil-Korea ta’ Fuq  bdiet wara li ċ-ċittadini tagħha ‘kellhom kuntatti mal-aljeni u l-oġġetti tagħhom’ li allegatament niżlu qrib il-fruntiera tal-pajjiż mal-Korea t’Isfel.

Din it-teorija inkredibbli hi anki l-messaġġ uffiċjali tar-reġim komunista fi Pyongyang, biċ-ċittadini fil-Korea ta’ Fuq qed ikunu mħeġġa biex jibqgħu viġilanti ‘għall-oġġetti li jistgħu jinġarru mir-riħ (mill-Korea t’Isfel) lejn arthom.

L-attivisti favur id-drittijiet umani residenti fil-Korea t’Isfel ilhom is-snin jibgħatu l-bżieżaq bil-fuljetti ta’ informazzjnoi u għajnuna umanitarja lejn iċ-ċittadini man-naħa l-oħra tal-fruntiera. Sadanittant, l-awtoritajiet fil-Korea t’Isfel qed jinsistu li ma hemm l-ebda possibbiltà li l-Covid seta ‘infiltra’ fil-Korea ta’ Fuq permezz ta’ dawn il-bżieżaq jew oġġetti oħra,.

Iżda l-media tal-Korea ta’ Fuq qed tirreferi għal investigazzjoni uffiċjali li fiha nstabu żewġ persuni infettati bil-Covid fl-ewwel fażi tal-epidemija. Hawnhekk qed jingħad li ż-żewġ persuni spiċċaw infettati wara li kellhom il-kuntatti ma’ xi materjal li ma kienx identifikat viċin il-fruntiera mal-Korea t’Isfel.

Dan wara li suldat ta’ 18-il sena u tfajjel ta’ ħames snin ittestjaw pożittiv għall-virus fl-ewwel jiem ta’ April meta sabu xi oġġetti fuq għolja, fl-inħawi ta’ Ipho-ri.

U issa, il-media fi Pyongyang qed tgħid li l-Covid-19, minn dak iż-żmien, infirex malajr fil-Korea ta’ Fuq u wara li r-reġim Korean komunista kien ilu żmien jinsisti li pajjiżu kien ħieles għal kollox mill-virus.