Lokali Qorti

Nuqqas tal-AĠ jew żball ġenwin?

Nuqqas tal-Avukat Ġenerali jew żball ġenwin? – Hija din il-mistoqsija li ħafna qed jistaqsu, u li ilhom jistaqsu sa mill-bidu ta’ din il-ġimgħa. Dan wara li l-avukati ta’ Yorgen Fenech ġew meħlusa minn attentat ta’ tixħim fil-konfront ta’ ġurnalist tat-Times of Malta wara li l-Maġistrat qalet li l-Avukat Ġenerali ma kinitx indikat it-tip ta’ tixħim rilevanti ghal dan il-każ.

Affaċċjat bid-domandi tal-ġurnalisti, l-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard għażel li jiddefendi lill-Avukat Ġenerali u jidher li minkejja dak li qed jitqies minn ħafna bħala nuqqas serju, il-Ministru lest, li tal-anqas għalissa, jagħtiha ċans sakemm jara l-fatti.

Kien it-Tnejn filgħodu meta ingħatat sentenza fil-konfront tal-avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca fi proċeduri li rriżultaw minn attentat biex jgħaddu flus lill-ġurnalist Ivan Martin fi tmiem laqgħa fl-uffiċċju tagħhom fil-Belt Valletta.

Martin kien qal fil-Qorti li fi tmiem il-laqgħa ta’ 20 minuta f’Novembru tal-2020, l-avukat għadda flus kontanti b’valur ta’ €500. L-avukat kien ammetta li “kienet offruta din is-somma” u li l-offerta saret biss għax qatt qabel ma kien iffaċċja ġurnalist.

Madankollu, meta tat is-sentenza, il-qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, osservat li għalkemm iż-żewġ avukati kienu ġew akkużati b’tixħim attiv u l-kumpilazzjoni tal-provi kienet tikkonċerna dak ir-reat, l-Avukat Ġenerali kienet indikat dispożizzjoni oħra tal-liġi. Wara dawn l-iżviluppi, il-każ waqa’ u l-akkuzati spiċċaw inħelsu.