Lokali

Raġel ta’ 36 sena fil-periklu tal-mewt wara li sofra ħruq

Raġel ta’ 36 sena qed jiġġieled għal ħajtu wara li sofra ħruq waqt li kien qed jaħdem f’garaxx. L-inċident seħħ dalgħodu għall-ħabta tal-ħdax fi Triq San Pawl Kuntent, ir-Rabat.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li raġel residenti l-Gudja sofra minn xi ħruq waqt li kien f’garaxx qed jagħmel xi xogħol ta’ manutenzjoni fuq dagħjsa. Immedjatament fuq il-post waslu Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku u ambulanza.

Ir-raġel ingħata l-assistenza fl-Isptar Mater Dei, fejn aktar ġie ċċertifkat li jinsab fil-periklu tal-mewt.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġstrat tal-Għassa Noel Bartolo li ordna inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.