Lokali

ANALIŻI: Reazzjonijiet negattivi għall-ħatra ta’ Joseph Muscat bħala Chairman tal-MPFCA

Joseph Muscat hu ċ-Ċermen il-ġdid tal-Malta Professional Football Clubs Association, minkejja li nofs il-klabbs membri ta’ din l-assoċjazzjoni, ma kienux favur il-ħatra tal-eks Prim Ministru Laburista. L-MPFCA hi magħmula mill-14-il klabb tal-Kampjonat Premier, u hi awtonoma mill-assoċjazzjoni li tmexxi l-futbol f’pajjiżna, l-MFA. Il-MPFCA ħadet post dak li qabel konna nirreferu għaliħ bħala l-Premier League Standing Committee, u li għal snin twal kien taħt it-tmexxija tal-eks President ta’ Hibernians, u personalitá fl-amministrazzjoni tal-isport lokali li tant kien maħbub minn kulħadd, Tony Bezzina.

Mill-14-il klabb membru f’din l-assoċjazzjoni, kienu biss nofs il-Presidenti tal-klabbs fl-għola diviżjoni tal-futbol Malti li taw il-fiduċja tagħhom sabiex Muscat isir iċ-Ċermen il-ġdid tal-MPFCA. Nofs il-Presidenti l-oħra tal-klabbs tal-Kampjonat Premier, għażlu li ma jagħtux il-fiduċja tagħhom lil Muscat, b’erbgħa minnhom ivvutaw kontra n-nomina tiegħu u t-tlieta l-oħra astjenew. Fattwalment, Muscat se jkun qed imexxi assoċjazzjoni b’nofs il-membri tagħha li ma vvutawx favur il-ħatra tiegħu biex isir Ċermen. Dan il-fatt waħdu, jnissel dubji kbar dwar jekk Muscat għandux jaċċetta din il-kariga, jew jekk il-posizzjoni ta’ Muscat bħala l-persuna fit-tmun ta’ din l-assoċjazzjoni, hijix rappreżentattiva biżżejjed għaliex jidher ċar li l-fehma tal-klabbs tal-Kampjonat Premier dwaru hi maqsuma min-nofs.

Agħar minn hekk il-passat tiegħu, bhala politiku li nissel diviżjoni kbira fil-pajjiż kollu, żgur li mhux se jkun qed jgħin biex fost il-klabbs membri tal-MPFCA, tirrenja l-għaqda u s-serenitá. Fil-fatt, wara li sar magħruf dan ir-riżultat, kien hemm Presidenti li tkellmu b’kunfidenzjalitá ma’ Net News, fejn stqarrew li fiċ-ċirkostanzi preżenti, huma personalment kif ukoll il-klabb li jmexxu, se jkunu qed jikkonsidraw x’deċiżjonijiet għandhom jieħdu u x’għandha tkun il-pozizzjoni tagħhom fl-MPFCA fil-futur.

President minnhom qal li b’Muscat Ċermen, hu mhux se jkun qed jattendi aktar laqgħat tal-MPFCA, filwaqt li President ieħor esprima x-xettiċiżmu tiegħu jekk il-klabb tiegħu għandux jibqa’ jifforma parti mill-MPFCA.

Il-votazzjoni kienet waħda sigrieta, u mingħajr tant analizi, wieħed jista’ faċilment jasal għal konkluzjoni ta’ x’kienet l-għażla ta’ kull President tal-klabbs tal-Kampjonat Premier. Fil-maggoranza ta’ dawk li rieduh, il-karrotta kienet l-agenda personali u xejn aktar, tpattija ta’ xi pjacir li jkun twettaq tul iż-żmien meta kien għadu jikkontrolla minn Kastilja. Muscat kien jaf li ma kellux lanqas l-appoġġ unanimu tal-kumitati tal-istess klabbs li finalment ivvutawlu għaldaqstant biex jassigura li ma jkollux kompetizzjoni diretta minn kandidat ieħor, għamel pressjoni kbira fuq il-klabbs, biex għall-ebda raġuni ma jħallu ebda persuna oħra tikkontestaħ għall-kariga ta’ Ċermen. Dan il-fatt jikkonferma bl-aktar mod ċar, li dawk li kienu qed jappoġġjaw lil Muscat għal din il-kariga l-ġdida, kienu konxji mill-fatt li kieku kkontestat persuna oħra li għandha passat bħala President ta’ klabb tal-futbol, b’reputazzjoni bil-wisq aħjar minn tiegħu, Muscat kien qed jirriskja li jitlef f’elezzjoni. Dan kien xenarju li kien qiegħed jinkwieta mhux ftit lil Muscat.

Net News jista’ jikkonferma li kien hemm persuni oħra li kienu interessati biex jassumu r-rwol ta’ Ċermen, iżda għal raġunijiet varji, dawn ma kienux lesti jaċċettaw li jmorru għal votazzjoni fejn apparti isimhom kien se jkun hemm isem l-eks Prim Ministru Laburista, Muscat. Persuna partikolari, li kien avviċinat minn numru ta’ klabbs biex jassumi r-rwol ta’ Ċermen tal-MPFCA, qal lil Net News li anke jekk ħaseb li l-kandidatura tiegħu setgħet twasslu biex jikseb l-akbar appoġġ fost l-14-il klabb tal-Kampjonat Premier, ma kienx komdu jikkontesta lil Muscat għaliex kien jaf li deċiżjoni bħal din kien se jkollha riperkussjonijiet negattivi kemm fuq il-ħajja personali tiegħu kif ukoll għan-negozju li jmexxi.

Persuni oħra li tkellmu ma’ dan il-portal tal-aħbarijiet, u li huma parti minn kumitati ta’ klabbs fil-Kampjonat Premier, ammettew li kien hemm min mexxa ‘l quddiem in-nomina ta’ Muscat fi ħdan l-MPFCA, billi adotta tattiċi tal-bullying li f’dan l-ambjent ristrett tal-futbol, għandhom il-probabilità li jaħdmu. Dawn l-istess persuni esprimew id-diżappunt tagħhom għall-fatt li fi ħdan l-istrutturi interni tal-klabb, il-vot tal-klabb f’din l-għażla partikolari baqa’ ma kienx diskuss u l-President ivvota skont kif qabel lilu aktar milli kif kien jaqbel lill-klabb.

Net News hu infurmat ukoll li dawk li kienu qed imexxu ‘l quddiem in-nomina ta’ Muscat biex isir Ċermen tal-MPFCA, fl-aħħar jiem bdew jiltaqgħu għan-nom tiegħu, ma’ dawk li kienu qed juru xettiċiżmu jew saħansitra jopponu fil-miftuħ isem Muscat. Persuni differenti li kienu avviċinati minn persuni qrib Muscat, ikkonfermaw magħna li dawk li marru biex ikellmuhom huma nies magħrufa sew għall-appoġġ li dejjem taw lil Muscat meta kien fl-isfera politika u li l-personalitá tagħhom iġorr magħhom reputazzjoni xejn sabiħa minħabba diversi stejjer kontroversjali li allegatament kien u ghad hemm dwarhom. Jingħad li dawn l-istess persuni kienu qed iwegħdu l-ilma jiżfen u li b’Muscat Ċermen tal-MPFCA, kien se jkollhom aċċess ghal dak li s’issa Robert Abela bħala Prim Ministru ma taħhomx.

Minkejja l-ħidma kbira li saret minn dawk, li għal raġunijiet li persważi li għad irridu nisimgħu dwarhom, riedu jaraw lil Muscat jsir Ċermen tal-MPFCA, u allura jagħmel l-ewwel passi tiegħu f’kariga ta’ tmexxija fis-socjeta’, ir-riżultat miksub mill-eks Prim Ministru Laburista f’din l-elezzjoni kien wieħed diżappuntanti ferm. Muscat se jkun qed imexxi assoċjazzjoni mingħajr m’għandu maġġoranza relattiva fost l-14-il klabb membru tal-MPFCA. Dan il-fatt kompla jimmina s-saħħa u l-popolaritá li jista’ jkollu Muscat fiċ-ċriki tal-futbol Malti.

Fl-aħħar jiem kienu bosta l-individwi li għandhom involviment f’din il-logħba, f’rwoli ta’ tmexxija u fl-amministrazzjoni, fi kwalunkwé livell tal-futbol Malti, li saħqu li mhux sorpriżi bl-aġir ta’ uhud mill-Presidenti tal-klabbs tal-Premier, propju għaliex din id-divizjoni kien minn dejjem jinteressa fir-rebħ tat-tazzi aktar milli fl-investiment għall-iżvilupp tal-logħba u allura fil-flus qabel kollox. Hu fatt li l-presenza ta’ Muscat fl-aktar sport popolari f’pajjiżna, ħolqot diġa’ diviżjoni kbira, f’dixxiplina sportiva fejn s’issa l-estremizmu partiġġjan qatt ma eżista.