Lokali Qorti

Sitt snin ħabs wara li mar jiffirma l-Għassa taż-Żejtun b’karozza misruqa

Raġel ta’ 44 sena minn Ħal Għaxaq ġie kundannat sitt snin ħabs u 33 ġurnata ħabs mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera li kienet qed tippresiedi l-Qorti tal-Appell Kriminali wara li sabitu ħati li f’Diċembru tal-2019 kien qed isuq karozza misruqa. Roderick Cilia kien inqabad meta mar jiffirma l-Għassa taż-Żejtun.

Huwa kien anke instab ħati mill-Qorti tal-Maġistrati iżda appella fuq it-teżi li l-ewwel qorti kienet għamlet analiżi ħażina tal-fatt. Huwa kien mixli wkoll li  kellu fil-pusses tiegħu oġġetti misruqin, li bagħbas fid-dokumenti tal-istess karozza, li ħa l-inkarigu li jbiddel xi skrittura minn dokumenti, fosthom dawk marbutin mal-liċenzja u li saq mingħajr polza tas-sigurta. Cilia kien qed jiġi akkużat ukoll li kiser diversi kundizzjonijiet mogħtija lilu mill-Qorti, fosthom sentenzi sospizi.

Cilia dejjem ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih u qal li kienx jaf li rċieva karozza li kienet misruqa. Huwa tenna li kien selifhielu wieħed. Il-verżjoni tiegħu kienet li huwa kien il-Ħamrun u kien qed jgħid li għandu ħsara kbira fil-magna tal-karozza tiegħu u kien hemm raġel li offra li jikrilu l-karozza tiegħu minħabba li kien se jsiefer.

Mistoqsi min huwa r-raġel, Cilia qal li kien jafu mill-Pjazza tal-Ħamrun iżda ma kien jaf ebda tagħrif ieħor dwaru fosthom. Ma kienx jaf l-anqas kunjomu, l-indirizz tiegħu u fejn jaħdem. Sostna li kienu ftiehmu li jħallsu €50 u kellu jagħtih aktar flus meta jiġi lura mis-safar, bl-ammont mhux magħruf. Tenna li ma għamlu l-ebda skrittura fuq il-kirja.

Cilia qal li minkejja li kien ta n-numru tal-mobile ta’ ċertu Paul, il-Pulizija ma rnexxilhiex tagħmel kuntatt miegħu. Xhud importanti kienet sid il-karozza misruqa li qalet li kienet qed tagħmel xi provi ta’ kunċert f’każin. X’ħin lestiet u ħarġet ma sabitx il-karozza fejn ipparkkjatha, fi triq is-Salib tal-Marsa, maġenb il-Knisja Marsija.

Sostniet li meta bdiet tfittex iċ-ċwievet ma sabithomx u ħasbet li kienu waqgħulha u tilfithom. Sostniet li kienet żgura li għalqet il-karozza bir-remote u mingħaliha li tefgħathom fil-basket. Pulizija kien xehed li xahar wara li sar rapport, il-Pulizija tal-Ħamrun ġew infurmati li l-karozza nstabet għand l-akkużat meta kien mar l-għassa tal-Pulizija taż-Żejtun biex jiffirma l-għassa fuq każ ieħor. Evemtwalment il-karozza instabet bi pjanċi differenti.

Il-Pulizija mill-Għassa taż-Żejtun kienet infurmata b’telefonata anonima li Cilia kien qed jagħmel użu minn karozza li fuqha kien hemm xi taħwid u għalhekk meta mar jiffirma mxew warajh u żammewh fil-post sabiex jiċċekkjaw dwar il-karozza.

Minn investigazzjoni li saret irriżulta li n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-karozza ma kienx sħiħ kien nofs bl-ittri u b’nofs ieħor bin-numri u ġew iwweldjati. Il-Qorti tal-Appell ukoll bħall-ewwel Qorti sabitu ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Hija kkunsidrat il-fatt li Cilia għandu 11-il kundanna mill-Qrati.

Il-kondotta rafrettarja tiegħu kellha imniżżel fuqha ksur ta’ liġijiet tad-Dwana, pussess sempliċi tad-droga, ksur ta’ liġijiet tas-sewqan, serq aggravat u li kkaġuna feriti gravi fuq persuna u żewġ kundanni oħra ta’ feriti fuq uffiċċjali pubbliċi. Il-Qorti tal-Appell innutat li Cilia kien diġà ngħata żewġ sentenzi sospiżi u li ma tgħallem xejn minn dawn l-opportunitajiet li ngħatawlu.

B’hekk Cilia ntbagħat sitt snin u 33 jum ħabs. Huwa ġie ordnat iħallas l-ispejjeż tal-Qorti u għandu liċenzja tas-sewqan sospiża għal sena. iL-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Robert Vella u l-Ispettur Wayne Camilleri.