Sport Waterpolo

Tasal l-ewwel rebħa fil-Kampjonat Premier għal Birżebbuġa … rebħiet faċli għal Sliema u Valletta

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…… 11

EXILES……………………………….. 8

(3-2), (3-4), (2-0), (3-2)

Finalment waslet l-ewwel rebħa ta’ Birżebbuġa Freeport fil-Kampjonat Premier. F’konfront bejn iż-żewġ timijiet tal-qiegħ, Birżebbuġa qatt ma kienu minn taħt tul il-logħba, fatt li għenhom biex jirbħu l-logħba. Exiles kienu kostrett li jiġru wara r-riżultat u għalkemm ġabu d-draw aktar minn darba, qatt ma rnexxielhom jikkontrollaw il-logħba.

Birżebbuġa kellhom bżonn jieħdu l-vantaġġ tliet darbiet biex rebħu l-ewwel sessjoni, b’Exiles iwieġbu darbtejn wara l-gowls tal-avversarji. Il-vantaġġ ta’ Birżebbuġa kiber għal 4-2 fit-tieni sessjoni iżda Exiles permezz ta’ doppjetta minn Max Aquilina, ġabu d-draw.

Il-bilanċ baqa’ jirrenja sa tmiem it-tieni sessjoni, sakemm it-tim ta’ Pierre Borg kiseb vantaġġ doppju fit-tielet sessjoni b’gowls ta’ Neil Cassar u Keith Tanti. B’distakk ta’ 8-6 fil-bidu tal-aħħar sessjoni, il-logħba setgħet tmur kull naħa. Iżda Exiles setgħu biss iwieġbu għall-gowls tal-avversarji f’żewġ okkażjonijiet, b’Christian Mifsud jissiġilla r-rebħa lejn it-tmiem.

Birżebbuġa: M. Vassallo, J. Farrugia, N. Cassar (2), B. Grech, C. Mifsud (1), R. Mock (1), I. Galea, D. Cutajar (1), S. Bezzina, K. Tanti (4), G. Mannino (2), M. Curmi, C. Borg, D. Incorvaja, G. Sammut

Exiles: M. Castillo, N. Saliba, L. Gialanze, P. Paris (3), T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti, N. Paris, J. Bajada (1), M. Aquilina (3), D. Fenech, G. Borg, M. Martellacci, L. Pursehouse

Referees: Mauro Luciani, Massimo Angileri

SLIEMA FRANK SALT……….. 14

SIRENS MECCA MARINE….. 3

(4-0), (3-2), (5-0), (2-1)

Il-previżjoni għal din il-logħba kienet tara distakk ferm anqas mir-riżultat finali. Sliema Frank Salt irritornaw għar-rebħ, bi tliet punti li waslu faċilment kontra l-agħar Sirens tal-istaġun.

Gowls minn Liam Galea, doppjetta ta’ Dino Zammit u John Brownrigg taw vantaġġ komdu lil Sliema fl-ewwel sessjoni. It-tieni sessjoni kienet karatterizzata minn botta u risposta fil-fażi realizzattiva, b’Sliema xorta joħorġu rebbieħa u kabbru l-vantaġġ għal 7-2.

Sirens naqsu li jgħollu l-livell tal-prestazzjoni, b’konsegwenza li ma waslitx ir-reazzjoni mistennija. Saħansitra kienu Sliema li komplew jiddominaw b’ħames gowls mingħajr risposta. Is-Slimiżi komplew jikkontrollaw l-aħħar sessjoni b’Dino Zammit u Daniel Rizzo jwieġbu għall-gowl ta’ Matthew Sciberras għal rebħa mill-aktar komda.

Sliema: N. Grixti, M. Mifsud (2), L. Galea (1), D. Rizzo (1), M. Meli (1), B. Cachia (1), J. Cutajar (1), K. Borg, J. Brownrigg (2), J. Gambin, Z. Mizzi (2), D. Zammit (3), A. Theuma

Sirens: T. Micallef, P. Serracino, K. Erdogan, J. Sciberras (1), J. Zerafa Gregory (1), G. Farrugia, M. Chircop, I. Riolo, J. Napier, M. Cutajar, M. Sciberras (1), M. Azzopardi, M. Bonello Dupuis, G. Melillo

Referees: Giuseppe Fusco, Ronnie Spiteri

VALLETTA IZIBET……… 16

BARRACUDAS………….. 2

(2-0), (3-0), (5-1), (6-1)

Valletta Izibet żammew ir-rekord perfett fl-Ewwel Diviżjoni. Id-differenza bejn iż-żewġ timijiet kienet evidenti u d-distakk finali seta’ kien akbar kieku Valletta ħadu l-okkażjonijiet li kellhom speċjalment fl-ewwel żewġ sessjonijiet.

Doppjetta ta’ Michele Mifsud fl-ewwel sessjoni tat vantaġġ ta’ 2-0 lil Valletta. Il-vantaġġ kompla jikber fit-tieni sessjoni bi tliet gowls mingħajr risposta. Bil-mod kif il-logħba bdiet tiżviluppa, Barracudas qatt ma kellhom ċans li jsalvaw il-logħba.

Huma tal-anqas sabu x-xibka għall-ewwel darba minn penalty ta’ TJ Mifsud. Valletta żiedu ftit ir-ritmu u skorjaw ħamsa mingħajr risposta sa tmiem it-tielet sessjoni, b’Zach Micallef jiskorja tnejn minnhom. Fl-aħħar sessjoni, Valletta komplew ikabbru l-vantaġġ b’Kyle Cremona, Tristan Said, Luke Hyzler, Jan Culic u Andrea Agius kollha jniżżlu isimhom fost l-iskorers.

Valletta: B. Busuttil, N. Farrugia (2), T. Said (1), L. Hyzler (1), S. Busuttil (1), Z. Micallef (3), D. Paolella, M. Mifsud (3), S. Micallef (1), A. Agius (1), J. Culic (2), K. Cremona (1), A. Bugeja, L. Felice, R. Attard

Barracudas: M. Gouder, A. Falzon, A. Grima Scott, P. Micallef, D. Ciantar (1), R. Sciortino, S. Aquilina, L. Galea, D. Camilleri, J. Bugeja, N. Camenzuli, T.J. Mifsud (1), C. Bugeja, L. Abela

Referees: Mauro Luciani, Stefan Licari

Logħob li jmiss

Is-Sibt 2 ta’ Lulju

L-Ewwel Diviżjoni: Marsaskala v Otters 5.00pm, Marsaxlokk v Ta’ Xbiex 6.05pm

Kampjonat Premier: Neptunes v San Ġiljan 7.10pm