Ambjent Lokali

“Bini ikrah, frott ir-rgħiba”

L-Arċisqof Charles Scicluna kkundanna l-iżvilupp bla rażan li qed itappan il-pajsagg tal-gzejjer taghna kif ukoll ic-centri tal-lokalitajiet. Dan ghamlu permezz ta’ messaġġ li wassal il-Ġimgħa fuq Twitter, fejn l-Arċisqof poġġa ritratt ta’ żvilupp li qed isir bħalissa fl-inħawi ta’ Paceville, u sejjaħlu “mostru ikrah.”

Fuq din il-pjattaforma socjali, l-Arcisqof kiteb li dan il-mostru qed ikerrah lil Malta, u staqsa, “Liema moħħ miġnun, rgħib, bla qalb, u bla ruħ, jista’ jsib is-sbuħija u s-serħan il-moħħ f’din il-kruha?”

Din ma kinitx l-ewwel darba li l-Arċisqof semma’ leħnu fuq it-tema ambjentali u l-ippjanar ta’ pajjizna; fosthom fil-festa tal-Imnarja u fid-diskors tiegħu fil-konferenza “L-Istat tan-Nazzjon” organizzata mill-President ta’ Malta George Vella ix-xahar li għadda.

Fl-omelija li wassal aktar kmieni din il-gimgha fil-ġurnata tal-Imnarja, l-Arċisqof Scicluna insista illi l-għeruq ma jikbrux fil-konkos. Dan filwaqt illi saqsa x’sar ifisser għalina “il-progress”.

Monsinjur Arcisqof qal li rridu dejjem nirringrazzjaw lil Alla għal dak li provdilna – inkluż il-ħolqien u l-ambjent ta’ madwar, u kien hawn fejn fakkar biex nieħdu ħsieb l-ambjent.

Sentejn ilu…l-istess Arcisqof saħaq li l-art hi prezzjuża u li meta jsir l-ippjanar għandha tingħata prijorità lit-titjib tal-kwalità tal-ħajja. Dan filwaqt illi insista li l-kwalità tal-ħajja żgur mhux se ssibha “fil-kaxxi tas-sulfarini tal-konkrit, li lanqas m’huma tajbin bħala gallinari għat-tiġieġ jew biex fihom jiġu mgħammra l-fniek – aħseb u ara biex fihom jgħixu l-bnedmin”.