Lokali

Iċ-Ċaqnu u ibnu interrogati fuq bejgħ ta’ appartament fl-2014: Jingħataw il-police bail

L-investigazzjoni fil-konfront ta’ Charles Polidano u ibnu Gordon Polidano li ngħataw il-police qed tikkonċentra l-aktar fuq appartament li nbiegħ fl-2014 lil persuna li jaħdem fis-settur privat fejn dan ġie mistoqsi dwar kif għaddiet il-propjeta.

Il-Pulizija għamlet stħarriġ profond fuq dan l-appartament lussuż fejn hi qed tallega li seħħew atti ta’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni dwar din il-binja, xi ħaġa li l-kumpanija u t-team legali ta’ Polidano qegħdin jiċħdu bil-qawwa kollha li sar xi abbuż.

Wieħed mill-akbar negozjanti l-aktar fis-settur tal-kostruzzjoni, magħruf bħala Iċ-Ċaqnu, ġie arrestat fid-dar tiegħu u ttieħed biex jiġi interrogat fid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati tal-pulizija. L-interogazzjoni fil-konfront tal-missier damet għaddejja għall-ġurnata sħiħa fejn miegħu kien arrestat Ibnu Gordon.

Qed ikun suspettat li Charles Polidano magħruf bħala ċ-“Ċaqnu” kkorrompa uffiċjal għoli f’entità kbira permezz tal-bejgħ ta’ proprjetà. Il-kumpanija tiegħu, li tkellmet ma’ NET News ċaħdet kwalunkwe att ħażin, anzi li huma qegħdin jgħaddu d-dokumenti kollha lill-uffiċjali tal-Pulizija, b’rabta ma’ dan il-bejgħ.

Kelliem minn naħa tal-kumpanija Polidano Group qal li qegħdin jgħinu lill-awtoritajiet jivverifikaw il-ħlasijiet li saru lill-kumpanija fi tranżazzjoni fl-2014 li kienet tinvolvi att pubbliku. “Il-grupp huwa kunfidenti li l-awtoritajiet se jkunu sodisfatti ladarba dawn il-verifiki jkunu saru u se jkompli jikkoopera bis-sħiħ mal-awtoritajiet.

It-tim legali taċ-Ċaqnu qal li huwa fiduċjuż li mhemmx każ kontra Charles u Gordon Polidano. Minn informazzjoni li ġbarna huwa kalkolat li l-kumpanija tbiegħ madwar 350 propjetà fis-sena. “Dak huwa xogħolna, u minn dejjem hekk kien. Tul iż-żmien il-kumpanija biegħet eluf ta’ propjetà f’ Malta u Għawdex lil kull strata tas-soċjetà u dejjem imxejna skont il-liġi. Bħal f’dan il-każ kollox sar bin-nutar u bid-dokumenti relevanti,” qalilna kelliem tal-kumpanija.