Lokali

Il-koperattivi jistħoqilhom li jingħataw l-appoġġ u jinħoloq ambjent sabiex dawn ikomplu jikbru u jimirħu

Il-Partit Nazzjonalista jinsab determinat li jtella’ fuq l-aġenda Nazzjonali s-settur tal-koperattivi u ser ikun qed jaħdem sabiex il-liġijiet eżistenti jiġu aġġornati għaż-żminijiet u l-isfidi tal-lum.

Dan qalu l-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Koperattivi Robert Cutajar meta kien qed jindirizza Konferenza Nazzjonali organizzata fil-jum Internazzjonali iddedikat għall-kopertattivi mis-Central Cooperative Fund bil-kollaborazzjoni tal-Bord tal-Koperattivi, il-Federazzjoni tal-Koperattivi Malta u Koperattivi Malta. It-tema magħżula f’din il-konferenza “Il-Koperattivi jibnu dinja ahjar” li hija wkoll l-istess tema li ntużat fl-isfera Internazzjonali f’dan il-jum.

Robert Cutajar sostna li l-koperattivi f’pajjiżna għandhom rwol importanti u li għall-PN dan huwa settur li jista’ jitqies bħala pilastru għall-ekonomija ta’ pajjiżna. L-Oppożizzjoni bdiet sensiela ta’ laqgħat ma’ dawk kollha involuti f’dan il-qasam sabiex tisma’ u tifhem x’inhuma l-isfidi li qed jiffaċċjaw il-koperattivi f’pajjiżna. Id-deputat Nazzjonalista tenna li hemm bżonn aktar impenn mill-Awtoritajiet sabiex f’pajjiżna ikun hawn aktar għarfien, edukazzjoni  u taħriġ sabiex jiġi mmassimizzat il-potenzjal veru tal-aqwa mudelli ta’ kif għandhom jaħdmu l-koperattivi li huma msejsa fuq valuri ewlenin li jagħmlu dan il-qasam dejjem aktar relevanti għad-dinja tal-lum. Robert Cutajar kompla li huwa importanti li nagħtu każ sew it-tifsira tal-Artiklu 20 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta fejn jghid li “L-Istat jirrikonoxxi il-funzjoni soċjali tal-koperattivi u għandu jinkoraġġixxi l-iżvilupp tagħhom”.

Id-deputat Nazzjonalista kompla jghid li l-koperattivi jistħoqilhom li jingħataw l-appoġġ u jinħoloq l-aqwa ambjent sabiex dawn ikomplu jikbru u jimirħu fl-operat tagħhom. L-Oppożizzjoni se tkun qed tagħmel il-parti tagħha fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u tittama li l-Gvern ikun dispost li jaħdem mal-Oppożizzjoni sabiex flimkien ma’ dawk kollha involuti infasslu t-triq ‘l quddiem fl-interess ta’ dan is-settur li minnu hemm l-għajxien ta’ mijjiet ta’ familji Maltin u Għawdxin, temm jgħid Robert Cutajar.

Tags