Lokali

Il-PN jappella għat-tibdil meħtieġ biex il-Korp tal-Pulizija jissaħħaħ mill-ġdid

Il-Gvern Laburista tilef għal kollox il-ħila li jiżgura Korp tal-Pulizija motivat u organizzat tajjeb. Il-Korp tal-Pulizija jinsab f’sitwazzjoni ħażina ħafna.

Hekk sostnew il-Kelliem tal-PN għall-Intern, Sigurtà u Riformi Joe Giglio, flimkien mal-Kelliem għax-Xogħol u Settur Marittimu Ivan Castillo li saħqu li l-moral mhux biss hu f’livell baxx, iżda s-sens ta’ demotivazzjoni nxterdet kullimkien. Ninsabu f’sitwazzjoni ta’ tħassib u perikoluża, fejn kważi kważi aktar qed naraw Pulizija jitilqu mill-Korp milli jidħlu rekluti ġodda.

Huma spjegaw li l-Partit Nazzjonalista jħoss li l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-Pulizija jeħtieġ li jitjiebu biex, minflok eżodu ta’ Pulizija, ikunu attirati aktar persuni li jagħżlu li jidħlu jaħdmu fi ħdan il-Korp.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi solidarjetà mal-membri kollha tal-Korp, li qed jiffaċċjaw l-agħar sitwazzjoni li qatt kienu fiha, b’kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol, b’pagi baxxi u mingħajr l-ebda spalla mill-Gvern biex tinħoloq il-bidla li għandu bżonn il-Korp tal-Pulizija.

Bil-kriminalità qed tiżdied u bil-Gvern ma jindirizzax il-problemi li ħoloq hu stess, il-poplu qed jitlef il-fiduċja tiegħu fil-Korp.

Hu għalhekk li l-Partit Nazzjonalista jappella lill-Gvern u lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jassiguraw it-tibdil meħtieġ biex il-Korp jissaħħaħ mill-ġdid.