Lokali

“Il-problema tal-iżbroff għadha mhix solvuta”

Għal darb’oħra ż-żona ffrekwentata minn bosta kemm Maltin kif ukoll turisti ta’ Qui-si-Sana f’Tas-Sliema spiċċat taħt il-lenti.

Dan hekk kif ix-xatt fejn jgħumu diversi reġa’ spiċċa jkanġi b’irqajja ħodor ta’ drenaġġ li qed ikompli jniġġes iż-żona.
Is-sindku Nazzjonalista John Pillow appella lill-awtoritajiet sabiex jagħmel minn din il-kwistjoni prijorità u jiġi stabbilit fejn hu s-sors ta’ din in-nixxiegħa ta’ drenaġġ. Huwa insista li l-bajja għandha tiġi mnaddfa għal ġid taċ-ċittadini.
John Pillow insista li minkejja li fil-ġimgħat li għaddew kien sar tindif tal-blat u l-baħar, l-iżbroff sfortuntament baqa’ jseħħ u l-problema tidher ċar li ma ġietx solvuta.

Matul ix-xahar li għadda d-Direttorat tas-Saħħa Ambjentali kien għalaq ż-żona ta’ Qui-si-Sana għall-għawwiema minħabba ħruġ ieħor ta’ drenaġġ fil-baħar u sintendi r-riskju li dan jista’ jikkawża għal bniedem.

Is-sindku insista li l-problema ġiet solvuta għal jumejn biss….u stqarr li din mhux problema tal-lum, iżda ilha tippersista għal madwar 5 snin – għad-detriment taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, kif ukoll għat-turisti li jiġu jgawdu l-Gżejjer tagħna.