Lokali Qorti

Jammetti serq minn ħwienet fil-Belt

Francis Grech ta’ 57 mill-Belt ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li tressaq il-Qorti u ammetta li seraq diversi fwejjaħ minn ħwienet differenti fi Triq ir-Repubblika, il-Belt. Huwa ammetta l-akkużi quddiem il-Maġistrat Monica Vella bid-difiża tagħmel talba għall-pre-sentencing report, liema talba kienet milqugħa mill-Qorti.

Fil-preżenza ta’ membri mill-familha tiegħu Grech li huwa magħruf sew mal-Pulizija wieġeb ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih. Il-Prosekuzzjoni spjegat li Grech għadu kif ħareġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fuq każ ieħor ta’ serq u li rrenda ruħu riċediv.

L-Ispettur Daryl Borg tenna li bejn it-23 u 28 ta’ Ġunju li għadda, irċevew bosta rapporti ta’ serq minn ħwienet. Għalhekk il-Pulizija tad-distrett bdew l-investigazzjonijiet tagħhom. Minn hemm skoprew min kien il-ħalliel u dan permezz tal-cameras tas-sigurtà – CCTV – li l-Pulizija identifikaw lil Grech.

Borg qal li l-valur tal-fwieħa mill-ħwienet huwa madwar €400 u li tenna kif Grech ipprova jħallas l-oġġetti li kien seraq. L-Avukat Francesca Zarb li flimkien mal-Avukat Franco Debono dehret għall-akkużat qalet li l-klijent tagħha għandu bżonn għajnuna u li dan għandu jibda jeħodha, u għalhekk għall-ġid tiegħu huwa mpostanti li jsir rapport qabel ma tingħata s-sentenza.

Id-Difiża talbet għall-pleġġ, liema talba ma sabet l-ebda oġġezzjoni tal-Prosekuzzjoni. Il-Qorti laqgħet it-talba taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom fuq depożitu ta’ €300 u garanzija personali ta’ €3,000 u li jiffirma l-għassa tal-Belt darbtejn fil-ġimgħa u li tpoġġa taħt ordni ta’ superviżjoni.