Sport Waterpolo

Neptunes preċiżi u superjuri aktar fil-ġurnata … M’skala u Ta’ Xbiex jirbħu fl-Ewwel Diviżjoni

(Ritratt: Joseph Galea)

Rapport: Stewart Said

NEPTUNES VIDEOSLOTS…… 10

SAN ĠILJAN JP PROJECTS….. 7

(3-3), (3-2), (2-0), (2-2)

Neptunes Videoslots urew li mhux se jċedu l-kampjonat li rebħu s-sena l-oħra faċilment. Fil-ġurnata kienu superjuri, preċiżi iktar mill-avversarji u kisbu vantaġġ psikoloġiku fuq l-isfidanti diretti qabel konfronti diretti li jgħoddu iktar. Ta’ min jirrimarka wkoll kollox ma’ kollox, il-prestazzjoni pożittiva miż-żewġ referees tal-logħba.

San Ġiljan ma kinitx il-ġurnata tagħhom, b’diversi okkażjonijiet mitlufa filwaqt li qatt ma kienu fil-vantaġġ wara li qatt ma rkupraw mill-bidu negattiv li kellhom. Partita kwieta għal Matthew Zammit li anki spiċċa fouled-out fit-tielet sessjoni filwaqt li b’mod kollettiv ma kinux intelliġenti biżżejjed biex ikunu pass qabel l-avversarji. Rekord negattiv ukoll fil-man-ups speċjalment fit-tielet u r-raba’ sessjoni.

Neptunes kellhom l-aħjar bidu possibbli bi tliet gowls mingħajr risposta minn Michael Spiteri Staines, Stevie Camilleri u Jake Muscat. Reazzjoni minn San Ġiljan li f’daqqa waħda rkupraw l-iżvantaġġ sa tmiem is-sessjoni. Iċ-champions ħadu vantaġġ fit-tieni sessjoni meta wara li Darren Zammit kien wieġeb għall-gowl ta’ Camilleri, Jake Muscat skorja darbtejn minn sitwazzjoni ta’ superjorità numerika għal riżultat ta’ 6-4.

San Ġiljan kellhom bżonn li jgħollu l-livell tal-prestazzjoni fit-tielet sessjoni. Għalkemm kellhom diversi okkażjonijiet, naqsu li jkunu preċiżi b’konsegwenza li baqgħu jiġru wara r-riżultat mingħajr suċċess. Stevie Camilleri għamilhom 8-4 b’doppjetta minn tiegħu. San Ġiljan tilfu wkoll lil Matthew Zammit bit-tielet fawl.

Neptunes ikkontrollaw l-aħħar sessjoni, b’San Ġiljan qatt ma setgħu jnaqqsu d-distakk, anki jekk kellhom diversi okkażjonijiet, b’Alan Borg Cole jilqa’ dak li ġie għal idejh.

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (4), S. Gialanze, G. Pace, J. Cachia, J. Spiteri Staines, S. Camilleri (4), J. Camilleri, J. Abela, M. Spiteri Staines (1), A. Fenech (1), M. Castillo, M. Rossi

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg (1), A. Galea, N. Schiavone, R. Caruana, M. Zammit, B. Plumpton (2), D. Tully, J. Bonavia, N. Zammit (2), D. Zammit (1), N. Bugelli (1), G. Vassallo, M. Ortoleva, D. Fero

Referees: Giuseppe Fusco, Peter Balzan

M’SKALA FISH AND FISH…… 9

OTTERS NIVEA………………… 4

(2-0), (2-1), (2-2), (3-1)

Marsaskala Fish and Fish komplew isegwu lil Valletta Izibet fl-Ewwel Diviżjoni. Ma kinitx l-aħjar prestazzjoni ta’ Marsaskala fl-istaġun, anki għaliex Otters baqgħu jippruvaw l-aħjar tagħhom sal-aħħar.

Marsaskala rebħu l-ewwel sessjoni 2-0 b’gowls ta’ Kyle Navarro u David Pace Lupi. Fit-tieni sessjoni, Lucas Falzon u Mark Carani kabbru l-vantaġġ għal 4-0 sakemm Andrew Dimech naqqas id-distakk.

It-tim immexxi minn Arpad Babay kompla jikkontrolla l-logħba għalkemm Otters ma ramewx ix-xugaman u pruvaw jibqgħu fil-logħba. Fit-tielet sessjoni, wieġbu fiż-żewġ okkażjonijiet li Marsaskala kienu skorjaw u żammew id-distakk għal tliet gowls.

Madankollu fl-aħħar sessjoni, it-tim Għawdxi ma wettaqx rimonta, b’David Pace Lupi jiskorja doppjetta fl-aħħar minuti biex issiġilla r-rebħa.

Marsaskala: J. Micallef, A. Camenzuli (1), P. Privitera, R. Greco (1), G. Galea, K. Navarro (1), M. Manara, D. Pace Lupi (3), G. Sammut (1), J. Ciantar, M. Carani (1), A. Muscat, S. Fava, L. Falzon (1)

Otters: M. Xerri, M. Bonnici, K. Scicluna (1), L. Grech Carr, M. Farrugia (1), D. Dimech, I. Azzopardi, S. Dimech, L. Dimech (1), S. Apap, Z. Bartolo, A. Dimech (1), G. Gatt Ellis, K. Micallef

Referees: Giuseppe Fusco, Neville Mercieca

MARSAXLOKK BROWN’S….. 9

TA’ XBIEX AMIGOS………….. 11

(1-5), (4-3), (3-0), (1-3)

Ta’ Xbiex Amigos saħħew it-tielet b’rebħa f’logħba bilanċjata. F’konfront bejn żewġ timijiet mimlija plejers żgħażagħ proprjetà ta’ Sliema u Neptunes, Ta’ Xbiex finalment ħarġu rebbieħa minkejja l-perseveranza ta’ Marsaxlokk.

Bidu pożittiv minn Ta’ Xbiex li ħadu vantaġġ komdu ta’ 5-1, fosthom tliet penalties konsekuttivi skorjati minn Elijah Schembri darbtejn u Jacob Saliba. Il-vantaġġ saħansitra kiber għal 7-2 fit-tieni sessjoni u kollox deher faċli.

Iżda Marsaxlokk kellhom ħsibijiet oħra u skorjaw tliet gowls konsekuttivi minn Cain Cutajar, Dean Bugeja u Julian Valletta. Il-veteran Edward Aquilina daħħal lil Ta’ Xbiex 8-5 minn fuq fi tmiem it-tielet sessjoni.

Madankollu, dan id-distakk sparixxa hekk kif Marsaxlokk skorjaw tliet darbiet mingħajr risposta permezz ta’ Ryan Galea u doppjetta ta’ Luigi Mallia. L-aħħar sessjoni kienet dik deċiżiva, b’Marsaxlokk jonqsu li jibnu fuq it-tajjeb li wettqu tul il-logħba. Kienu Ta’ Xbiex li skorjaw tlieta wara xulxin li bihom għalqu l-logħba.

Marsaxlokk: S. Mifsud, R. Spiteri, C. Cutajar (2), B. Zammit, T. Agius, D. Bugeja (1), M. Zammit, L. Mallia (2), J. Borg Tabone, R. Galea (3), J. Valletta (1), E. Mallia, M. Farrugia, S. Muscat, R. Scerri

Ta’ Xbiex: R. Coleiro, C.J. Saliba, E. Aquilina (2), J. Pace Mizzi, E. Meli, S. Engerer, J. Saliba (1), J. Cassar (1), E. Schembri (5), Z. Cutajar Licari (2), B. Attard Littschwager, J. Chircop, D. Galea Mule, T. Fenech

Referees: Mauro Luciani, Alex de Raffaele

Logħob li jmiss

Knock-Out I Diviżjoni

It-Tlieta 5 ta’ Lulju

Otters v Marsaxlokk 6.30pm, Barracudas v Ta’ Xbiex 7.35pm

Knock-Out Kampjonat Premier

L-Erbgħa 6 ta’ Lulju

San Ġiljan v Sliema 6.30pm, Exiles v Neptunes 7.35pm