Internazzjonali

L-Istati Uniti: 26 stat Amerikan jipprojbixxi l-abort

Hekk kif din il-ġimgħa d-dinja kienet moħħa fil-Qorti Kostituzzjonali tal-Istati Uniti u l-każ famuż ta’ Roe v Wade li seħħ fl-1973, il-kumplament tad-dinja qiegħda tħoss it-tgħeżżiża li ħarġet minn din id-deċiżjoni li b’ammont sostanzjali ta’ protesti u diskussjonijiet jerġgħu jqumu rigward is-suġġett tal-abbort.

Id-Deċiżjoni tal-Qorti Kostituzjonali tal-Istati Uniti aktar kmieni din il-ġimgħa, iddikjarat li mil-lum il-quddiem l-abbort mhux se jibqa jiġi protett mill-Kostituzzjoni Amerikana, bil-konsegwenza li diversi stati Amerikani issa għandhom l-awtorita li jilleġislaw huma stess rigward dan is-suġġett.

Dan wassal biex aktar minn nofs l-istati tal-Istati Uniti issa qiegħdin jirrevedu l-liġijiet li preżentament għandhom rigward l-abbort b’26 stat saħansitra se jiprojbixxu l-abbort kompletament.

Il-President Amerikan Joe Biden stqarr li din id-deċiżjoni ħasdet lill-Gvern Amerikan u speċifikament lill-partit Demokratiku li dejjem kellu sentiment favur l-abbort, b’diversi partitarji jiksruha mal-partit Demokratiku minħabba dan l-iżvilupp.

Madankollu diversi sorsi internazzjonali qiegħdin jgħidu li din il-mistoqsija rigward l-abbort qiegħda tqum mhux biss fl-Istati Uniti iżda għanke f’pajjiżhom stess. Pajjiżi bħar-Renju Unit qiegħdin jinnutaw żieda fl-ammont ta’ protesti kontra l-abbort u l-faċilitajiet li jippermettu din il-proċedura.