Internazzjonali

Ukrajna: Il-gwerra waslet f’punt kritiku

Servicemen of the 126th Separate Territorial Brigade of the Armed Forces of Ukraine take part in military exercises in Odessa region on June 22, 2022, amid Russia's military invasion launched on Ukraine. (Photo by Oleksandr GIMANOV / AFP) (Photo by OLEKSANDR GIMANOV/AFP via Getty Images)

Ma taqta’ xejn l-offensiva tar-Russja fuq l-Ukrajna, hekk kif matul il-lejl li għadda gew rappurtati aktar attakki bil-missili.

Fis-sigħat bikrin ta’ tas-Sibt filgħodu, instemgħu numru ta’ splużjonijiet fil-belt ta’ Mykolaiv – bis-Sindku jappella lin-nies sabiex jibqgħu fix-shelters u ma joħorġux.

Rapporti oħra qed jindikaw li anke f’Donetsk seħħew aktar attakki, b’waħda mill-missili teqred binja residenzjali.

Dan filwaqt li diversi esperti jinsabu ferm inkwetati, hekk kif l-indikazzjonijiet militari qiegħdin juru li l-armata Russa issa qabdet ritmu sostenibli bil-mod ta’ kif qiegħda tavvanza fl-Ukrajna, bil-belt ta’ Sverdonetsk taqa’ f’idejn ir-Russi aktar kmieni din il-ġimgħa.

Madankollu esperti militari komplew biex jispjegaw li dan l-avvanz militari u l-konsolidazzjoni tal-art li ġiet meħudha mill-Ukrajna, hija biss rebħa temporanja. Dan hekk kif, kemm il-Gven Ukren, kif ukoll l-esperti militari stqarru li l-irtirar tal-armata Ukrena mill-belt ta’ Sverdonetsk kienet deċiżjoni tajba, bl-armata Ukrena issa tiprepara għall-assedju li jmiss fil-belt ta’ Lysychansk.

Intant, kompliet ukoll il-battalja fejn tidħol il-provvista tal-enerġija għall-Ewropa. Fejn issa kien hemm il-konferma li għall-ewwel darba, l-Unjoni Ewropea qed timporta aktar gass mill-Istati Uniti milli mir-Russja.

Minbarra l-importazzjoni tal-gass mill-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea qiegħda wkoll tintroduċi diversi meżżi ġodda sabiex tassigura li fix-xitwa li ġejja l-pajjiżi Ewropej jkollom ammont sostanzjali ta’ gass maħżum sabiex id-djar Ewropej jibqgħu sħan matul ix-xitwa qalila.