Lokali

Wegħda li l-ikel fil-ħabs se jitjieb wasslet biex Jamie Vella jtemm l-istrajk tal-ġuħ

Wegħda mill-awtoritajiet tal-ħabs li l-ikel li jingħata se jkun aħjar wasslet biex Jamie Vella, r-raġel akkużat li pprovda l-bomba li qatlet Daphne Caruana Galizia jibda josserva strajk tal-ġuħ biex itemm l-istrajk tal-ġuħ li huwa kien beda tard il-Ħadd li għadda.

Huwa kien qed jallega li ħa din il-miżura minħabba l-kwalità tal-ikel li qed jingħata lilu u l-priġunieri. L-Avukat ta’ Jamie Vella Ishmael Psaila qal lil NET News li kemm hu kif ukoll Jamie Vella mhumiex qegħdin jippretendu xi “three course meal” ta’ lussu, imma ta’ l-anqas ikel diċenti, mhux ikel li lanqas huwa tajjeb għall-annimali.

Agħar minn hekk Jamie Vella huwa ‘type 2 diabetic’ u anke offra li jħallas għal ikel tiegħu stess. Madankollu l-awtoritajiet tal-ħabs irriffjutaw li dan isir minħabba l-biża li ikel minn barra jista’ jwassal biex tidħol id-droga fil-ħabs. It-tim legali ta’ Vella qalu li hemm Bye-Law li tgħid li jista’ jiddaħħal ikel il-ħabs sakem ikun kollox sigur.

Fil-fatt Jamie Vella huwa lest li l-ikel ‘healthy’ li lest li jixtri għalih jgħaddi mill-iscan biex l-awtoritajiet tal-ħabs ikollhom moħħhom mistrieħ. Vella qal li m’għamilx dan l-istrajk għalih biss imma wkoll għal sħabu l-priġunieri. Fil-fatt NET News huwa nfurmati li 10 minnhom lesti jingħaqdu miegħu fl-istrajk tal-ġuħ jekk il-wegħda li l-ikel jitjieb ma tissarrafx.

Jamie Vella, li flimkien mal-aħwa Adrian u Robert Agius, magħrufin bħala tal-Maksar, jinsab mixli bl-involviment bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizija fl-2017 u dak tal-Avukat Carmel Chircop fl-2015. Id-difiża ta’ Vella qed tgħid li ilha tilmenta biex ikun titjieb fil-kwalità tal-ikel fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u minkejja li kienu mwegħda li se jsir xi ħaġa, l-ikel ħażin kien u ħażin baqa’. Issa s-siegħa tal-prova dwar jekk hux se jkun hemm titjieb f’dan ir-rigward.

Vella ilu miżmum taħt arrest preventiv għal 16-il xahar, u għamel diversi talbiet biex jingħata l-pleġġ. Madankollu diversi Qrati dejjem ċaħdu t-talba minħabba l-biża’ li hu jbagħbas l-evidenza jew jaħrab, xi ħaġa li huwa ilu jwiegħed li dan mhux se jseħħ.

L-Avukat Psaila dejjjem sostna li l-pulizija kienet iddikjarat l-investigazzjoni magħluqa ħafna xhur ilu, iżda li l-Avukat Ġenerali dejjem jgħid lill-Qorti li l-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin fir-rigward ta’ Vella. Id-difiża dejjem argumentat li ma kienx ġust li Vella jinżamm arrestat, filwaqt li persuni oħra suspettati b’involviment fir-reat kienu għadhom jiġrubarra. “Għandha ssir ġustizzja ma’ kulħadd”.