Internazzjonali

Awstralja: Eluf ta’ residenti mwissija dwar l-għargħar perikoluż

Għexieren ta’ eluf ta’ residenti qed ikunu mħeġġa biex jabbandunaw ir-residenzi tagħhom f’Sydney fost l-għargħar, ikkaġunat mix-xita qawwija, li qed jiddomina f’din l-akbar belt tal-Awstralja.

L-emerġenza qed tidher bħala waħda immedjata wara li l-għargħar qata’ l-aċċessi mit-toroq  — u meta sa issa hemm effettivi mal-20 direttiva għall-evakwazzjonijiet fiz-zona lejn il-punent ta’ Sydney waħedha.

Is-sitwazzjoni mistennija taqleb għall-agħar, bi Stephanie Cooke, bħala l-Ministru ta’ New South Wales inkarigata mis-Servizzi għall-Emerġenzi, tenfasizza s-sogru kbir għall-ħajja dovut għaċ-ċirkustanzi.

L-istess zona , f’Marzu, kienet ukoll ġarrbet inċidenza ta’ għargħar qawwi, fejn kienu mietu talanqas 20.

Intant, il-Ministru Cooke wissiet li l-għargħar attwali qed joħloq perikli fuq diversi fronti, anki waqt li l-Bureau Meteoroloġiku qal li sallum niżlu sa 350 millimetru xita fuq diversi nħawi tal-pajjiż. Mistenni wkoll għargħar ġdid mix-Xmara bl-isem Nepean – bl-awtoritajiet jinkwetaw ukoll dwar l-ilma li kien qed ifur mid-diga ewlenija ta’ Sydney.

Għaldaqstant, Stephanie Cooke qalet li s-sitwazzjoni qed tinbidel għall-agħar b’mod rapidu fost it-twissijiet biex in-nies joħorġu mill-aktar fis miz-zoni ta’ periklu.