Lokali

Ħaddiem mhedded b’azzjoni dixxiplinarja talli ma segwiex kors

Joe Spiteri, ħaddiem fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, preċiżament fil-Quantity Surveyor Unit, f’dawn il-jiem kien mgħarraf b’ittra uffiċjali li se jittieħdu passi dixxiplinarja kontra tiegħu għas-sempliċi raġuni li ma segwiex programm online dwar il-valwazzjoni tal-integrità u l-għarfien tal-etika.

Din l-ittra uffiċjali rċeviha bl-idejn u ngħata għaxart ijiem żmien biex jirrispondi għaliha u biex jagħti r-raġunijiet li jħoss “li ma hux ħati għal dan ir-reat”. Il-piena għal “dan ir-reat” tista’ tkun is-sospensjoni ta’ għaxart ijiem xogħol!

F’kumment lil Il-Mument, Joe Spiteri qal li hu ħassu sorpriż ħafna għal din l-ittra surreali għaliex hu dejjem qeda d-doveri tiegħu b’assidwità kbira u b’dedikazzjoni.

Mhux biss, kompla Joe Spiteri, iżda hu għadda ħajtu dejjem jagħmel il-korsijiet u l-istudji wara l-ħinijiet tax-xogħol biex ikun jista’ jagħti servizz aħjar lid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi.

“Jekk jien m’attendejtx dan il-kors, m’għamiltx dan b’kapriċċ iżda minħabba l-volum ta’ xogħol li hemm fid-Dipartiment u jien ħassejt li invista taċ-ċirkustanzi kollha, kien aktar għaqli li niddedika aktar il-ħin tiegħi għal dawn ix-xogħlijiet,” qal Joe Spiteri.

Tags