“Hawn min għandu bżonn l-għajnuna, u huwa fid-dover tagħna li ngħinuh”. Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta żar il-maratona ta’ 53 siegħa ta’ volleyball li qiegħda tittella’ fid-Dar tal-Providenza.
Bernard Grech stqarr li minn età zgħira, hu u sħabu kien jgħinu lid-Dar tal-Providenza u kien hawn fejn tgħallem l-importanza li tgħin lil ħutek li jinsabu fil-bżonn.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li avvenimenti bħal dawn joffrulna opportunità tad-deheb sabiex nuru s-solidarjetà tagħna ma’ dawk li għandhom bżonn u b’hekk appella biex il-poplu Malti jkompli jċempel u jgħin lil dawk li għandhom bżonn.
Min-naħa tagħha s-Sinjura Anne Marie Grech stqarret li meta wieħed jara tiġi l-atmosfera ta’ dawk li qegħdin jgħinu, tinduna xi tfisser l-imħabba vera li għandhom dawn il-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza lejn xogħolhom u lejn il-volontarjat li qegħdin jagħmlu ma’ ħuthom.
Anne Marie Grech stqarret li dawn huma żmienijiet diffiċli, madankollu inkoraġġiet lil dawk li jistgħu biex jekk huwa possibli joqogħdu nieqsa minn xi ħaġa żgħira u jroddu dik ix-xiħaġa lil dawk li verament għandhom bżonn.
Waqt iż-żjara fid-Dar tal-Providenza, Bernard Grech flimkien mas-Sinjura Grech kellhom l-opportunita li jiltaqgħu mal-players tal-volleybal kif ukoll mal-ħaddiema ta’ din id-Dar.
Il-Maratona se tiġi fi tmiema l-Ħadd filgħaxija u l-pubbliku għadu fiċ-ċans li jgħin billi jċempel fuq in-numri provduti hawn taħt, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar mal-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank u BNF Bank.
€10 – 5160 2011
€15 – 5170 2012
€25 – 5180 2013
€50 – 5190 2070
€100 – 5130 2044
Pledge Line: 2146 3686
BOV Mobile: 7932 4834